Lokali Parlament

Jeħtieġ għajnuna liż-żgħażagħ u lill-artisti f’dawn il-mumenti ta’ kriżi

Karl Gouder, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder appella biex tingħata għajnuna liż-żgħażagħ u lill-artisti f’dawn il-mumenti ta’ kriżi tal-COVID 19.

Fil-parlament Karl Gouder qal li l-pandemija effettwat ukoll liż-żgħażagħ u lis-settur artistiku wkoll; l-effetti huma kbar fejn iż-żgħażagħ li jkunu qed jibdew il-futur tagħhom qed ikollhom inkwiet dwar il-futur.

Dan hu tħassib serju anki fost iż-żgħażagħ li jinsabu fl-istituzzjonijiet edukattivi u li kellhom il-ħajja tagħhom mibdula totalment. Ikun ħażin jekk is-soċjetà ma tifhmix din is-sitwazzjoni fil-kuntest tal-pandemija. Dan qed jeffettwa koll is-saħħa mentali taż-żgħażagħ.

Dwar is-settur kulturali, Karl Gouder qal li dan is-settur waqaf totalment minħabba l-pandemija; l-attivitajiet kulturali twaqqfu kollha b’effetti negattivi fuq dawk li ddeċidew li l-karriera tagħhom tkun il-kultura.

Il-pandemija ġabitilhom tbatija kbira u qed jipprovaw joħolqu modi kreattivi kif ikomplu jgħixu mill-kultura f’dawn il-mumenti ta’ sfidi kbar. Iktar ma jgħaddi żmien, is-sitwazzjoni qed issir dejjem iktar diffiċli. Jeħtieġ li l-artisiti ma jieqfux mill-kreattività tagħhom; għalhekk il-Gvern u l-poplu m’għandux jinsa lil dawn iż-żewġ settur kruċiaji li qed ikollhom effetti ferm negattivi.