Lokali Parlament

Jeħtieġ xogħlijiet koordinati fin-naħa t’isfel ta’ Malta

Toni Bezzina, PN

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal fil-parlament li jeħtieġ xogħlijiet koordinati fin-naħa t’isfel ta’ Malta biex dawn ikunu effettivi u ma joħolqux diffikultajiet kbar lir-residenti.

Hu qal li r-residenti tal-lokalitajiet ta’ wara l-mina qed isibu diffikultajiet kbar minħabba li m’hemmx koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-kunsilli lokali fix-xogħlijiet li qed isiru; dan qed iwassal għal konġestjonijiet kbar tat-traffiku.

Filwaqt li semma’ l-mina ta’ Ħal Kirkop, hu qal li x-xogħlijiet li qed isiru fil-fetħiet li qed jingħalqu qed isiru minħabba s-sigurtà u espriema tama li saru l-istudji neċessarji minħabba s-sigurtà u t-tniġġiż tal-arja li jinħoloq.

Ix-xogħlijiet ta’ tindif issa ilhom għaddejjin 10 xhur u se jiswew €2.5 miljuni; liema xogħol li qabel isir mill-ħaddiema tal-gvern f’jumejn iżda issa qed jieħu x-xhur.

Dwar il-parkeġġ f’ Wied iż-Żurrieq Toni Bezzina qal li l-Gvern qed isostni li dan mhux se jsir minħabba raġunijiet ambjentali. Hu qal li l-art hi diġà asfaltata u hemm problema kbira minħabba l-ammont kbir ta’ turist u Maltin li jżuru l-post. Jeħtieġ tkun ikkunsidrata l-proposta ta’ parkeġġ taħt l-art u semma’ l-parkeġġi li saru f’Wied Qirda u f’Marsaxlokk minkejja li dawn saru f’ODZ.

Il-gvern jidher li qed isib diffikultajiet biex jagħmel parkeġġ f’Wied iż-Żurrieq. Jirriżulta li kien hemm biss 50 passiġġier kuljum fir-rotta ċirkolari; hu evidenti li dan is-servizz m’hu jaqdu lill-Maltin.

Dwar Wied iż-Żurrieq hu staqsa jekk hux se jsir modernizzar qawwi fiż-żona kif kien sar fi żmien Gvern Nazzjonalista. Gvern Laburista m’għamel xejn; ħlief twaħħlu xi bankijiet u saru xi bozoz, sostna Toni Bezzina.