Internazzjonali

L-Italja titlob lin-NU biex tinvestiga l-qtil tal-ambaxxatur Luca Attanasio

Il-Ministru Taljan għall-Affarijiet Barranin, Luigi di Maio talab lin-Nazzjonijiet Uniti biex tinvestiga l-qtil tal-ambaxxatur, Luca Attanasio, li seħħ jiem ilu fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

Attanasio inqatel wara li l-konvoj tal-World Food Programme li kien qed jivvjaġġa miegħu spiċċa attakkat minn grupp armat waqt li kien għaddej minn zona perikoluża qrib il-fruntiera mar-Rwanda. Fl-attakk inqatlu wkoll il-gwardjan personali tal-ambaxxatur u x-xufier ta’ wieħed mill-vetturi tal-konvoj.

L-Italja, issa, qed titlob formalment biex il-World Food Programme u n-Nazzjonijiet Uniti jiftħu investigazzjoni biex jiċċaraw l-inċidenti ta’ dakinar.

L-awtoritajiet Taljani qed jitlobu kjarifika dwar l-arranġamenti fir-rigward tal-konvoj u tagħrif dwar ‘il-persuni responsabbli mid-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar is-sigurtà tal-persuni li kienu qed jivvjaġġaw ma’ dak il-konvoj.’

Il-katavru tal-ambaxxatur twassal lura l-Italja fil-bidu tal-ġimgħa waqt li l-Gvern Taljan kien qed jinsisti għal tweġibiet ‘mill-aktar fis’ min-naħa tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

Il-Gvern tal-pajjiż Afrikan qed iwaħħal l-attakk fi grupp ta’ ribelli tal-Hutu bl-isem ‘Qawwiet Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda’. Iżda l-grupp inkwistjoni qed jiċħad dwar dan u qed jakkuża lill-Armata tar-Rwanda u lill-qawwiet armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo rigward ‘l-atroċità’.