Lokali

Maltco Lotteries għal darbo’oħra f’koperazzjoni mal-Universita ta’ Malta u l-Istitut tal-logħob diġitali

Maltco Lotteries għal darb’oħra qed tikkopera fuq proġetti ta’ riċerka mmexxija minn akkademiċi fl-Istitut tal-Logħob Diġitali fl-Università ta’ Malta. Din l-inizjattiva saret bħala parti mill-programm ta’ CSR annwali tal-kumpanija.

F’konferenza stampa li saret nhar l-Erbgħa 24 ta’ Frar fl-Università ta’ Malta, Maltco Lotteries iffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni għal minimu ta’ 3 snin mal-Istitut tal-Logħob Diġitali tal-Università. Il-kooperazzjoni tħabbret fil-preżenza tal-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija l-Onor. Silvio Schembri li kien preżenti f’ isem il-gvern, flimkien mar-Rettur tal-Università ta’ Malta Prof. Alfred J. Vella u d-direttur u professur fl-istitut tal-Logħob Diġitali Prof. Georgios N. Yannakakis.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Maltco Lotteries Vasileios Kasiotakis esprima l-apprezzament tiegħu lejn din il-kollaborazzjoni peress li permezz tagħha se tingħata opportunità lill-istitut biex jirriċerka, jgħallem u jittrasferixxi l-għarfien lill-istudenti tal-Universita’. “Maltco Lotteries tappoġġja bis-sħiħ l-innovazzjoni fil-logħob diġitali w id-disinn u t-teknoloġija f’Malta. Din il-borża ta’ studju se tkompli tħeġġeġ aktar studenti, kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali, sabiex jiżviluppaw logħob fl-università Maltija.” ikkummenta l-Kap Eżekuttiv ta’ Maltco Lotteries Vasileios Kasiotakis.

Matul il-konferenza stampa r-Rettur tal-Università l-Prof. Alfred J. Vella wera l-gratitudni tiegħu lejn id-donazzjoni ta’ Maltco Lotteries. “Nilqa’ din id-donazzjoni b’apprezzament għax se tikkontribwixxi għat-tkabbir ta’ aktar programmi fl-Istitut tal-Logħob Diġitali u tipprovdi l-ħiliet u l-għarfien meħtieġa fl-industrija.”

Fid-diskors ewlieni tiegħu, id-direttur tal-Istitut tal-Logħob Diġitali fl-Università ta’ Malta, il-Prof. Georgios N. Yannakakis enfasizza li l-appoġġ ta’ Maltco jipprovdi lill-istudenti l-opportunità li jiksbu esperjenza f’riċerka dwar logħob innovattiv u jiżviluppaw possibilitajiet ġodda, pjacevoli u ġenerattivi  fid-disinn u t-teknoloġija tal-logħob.

Fid-diskors tal-għeluq l-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri faħħar lil Maltco għal din l-inizjattiva mmirata biex ittejjeb il-ħiliet tal-istudenti fil-logħob diġitali għal preparazzjoni aħjar biex jirnexxu fl-opportunitajiet ta’ karrieri offruti li dejjem jikbru f’dan il-qasam.  “L-industrija għandha l-għatx għall-aħjar talenti u jien se nibqa’ niżgura li l-partijiet interessati edukattivi kollha mmexxija mill-Fondazzjoni Gaming Malta jkomplu jaħdmu id f’id biex jiżguraw li Malta jkollha talent qawwi ippreparat għall-industrija” qal Schembri.

L-Onor fakkar kif fl-aħħar snin, l-espansjoni tal-Istitut għal-Logħob Diġitali għal bini ġdid kienet pass fid-direzzjoni t-tajba biex l-Università ta’Malta tkompli teċċella fil-programmi edukattivi pprovduti fil-livelli ta’ Post Grad M.Sc u Dottorat. Huwa żied li l-Istitut tar-riċerka tal-logħob diġitali jikkontribwixxi għal żewġ strateġiji tal-gvern imnedija fis-snin riċenti – Istrateġija Nazzjonali tal-AI u l-Istrateġija tal-Logħob tal-Vidjo u l-e-sports.

Għall-aktar informazzjoni tisa’ tibgħat email fuq info@maltco.net, jew billi żżur is-sit u l-paġni tal-media soċjali tal-kumpanija Maltco jew billi iċċempel Maltco’s Helpline fuq 23883333.