Futbol Sport

Manchester City b’rebħa faċli fl-Ungerija

(Ritratt: EPA)

Manchester City jinsabu b’sieq waħda fil-kwartifinali hekk kif fil-Puskas Arena għelbu lil Borussia Moenchengladbach 2-0. Manchester City kienu dominanti tul il-partita kollha u wara li fit-28 minuta kellhom l-appelli tagħhom għal penalty miċħuda mir-referee, City fetħu l-iskor minuta wara meta minn cross preċiż ta’ Joao Cancelo, kien BERNARDO SILVA li b’daqqa ta’ ras tajba għeleb lil Yann Sommer.

Fit-tieni taqsima l-andament tal-partita baqa’ l-istess minkejja li Borussia pruvaw iwettqu reazzjoni. It-tieni gowl ta’ Manchester City wasal fis-65 minuta meta wara li rċieva mingħand Silva, GABRIEL JESUS ikkonkluda b’mod preċiż għal 2-0. Lejn it-tmiem Borussia Moenchengladbach ukoll kellhom l-appelli tagħhom għal penalty miċħuda mill-VAR b’City jagħrfu jagħlqu tajjeb sabiex ma jsofrux gowl.