Qorti

Erba’ rġiel iwieġbu mhux ħatja b’rabta ma’ żewġ omiċidji u jinżammu taħt arrest

Quddiem il-Maġistrat Victor Axiak  erba’ rġiel tressqu l-Qorti b’akkużi relatati mal-omiċidju tal-Avukat Carmel Chircop li seħħ f’Ottubru tal-2015, u tnejn minnhom u akkużi relatati mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. L-Avukat Chircop kien inqatel permezz ta’ erba’ tiri f’rasu.

George Degiorgio ta’ 58 sena, magħruf bħala “Iċ-Ċiniż” minn San Pawl il-Baħar u Jamie Vella residenti s-Swieqi ġew akkużati li fit-8 ta’ Ottubru tal-2015 għall-ħabta tat-7.50am. f’binja magħrufa bħala Rampol f’Birkirkara qatlu lill-Avukat Chircop, li wettqu dan id-delitt meta fil-pusses tagħhom kellhom arma tan-nar u li iffinanzjaw għaqda biex iwettqu reati kriminali u li pparteċiaw fiha.

Adrian Agius ta’ 42 sena, minn Ħaż-Żebbuġ u residenti l-Baħrija, ġie mixli li fl-istess data rrenda ruħu kompliċi fil-qtil tal-Avukat Chircop u ġiegħel lill-istess Degiorgio u Jamie Vella biex jikkaġunawlu l-mewt.

Huwa ġie mixli wkoll li pparteċipa b’mod attiv f’attivitajiet kriminali ta’ għaqda u li fit-23 ta’ Frar li għadda kellu fil-pusses tiegħu d-droga eroina, f’ċirkostanzi li juri li ma kinitx għal użu esklussiv tiegħu.

Robert Agius, ħu Adrian, ta’ 37 sena, minn Ħaż_Żebbuġ u residenti l-Baħrija u Jamie Vella ta’ 37 sena ġew mixlija li ppromovew, organiżżaw jew iffinanzjaw għaqda bil-ħsieb li jwettqu reat kriminali, li kellhom fil-kontroll tagħhom sustanza splussiva, li kienu kompliċi fi splużjoni u saru kompliċi biex tinqatel il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Huma ġew akkużati wkoll li saru reċidivi. Id-deċiżjoni li jitressqu wara l-11.00pm. saret minħabba li wieħed mill-irġiel arrestati, Jamie Vella hu pożittiv għall-Covid-19. Bħala prekawzjoni, ir-raġel jinsab ilbies protettiv, bl-erba’ rġiel se jitressqu fl-akbar awla tal-Qorti – Awla 22 fejn normalment isiru l-ġurijiet.  

L-aħwa Robert u Adrian Agius, u seħibhom Jamie Vella kienu arrestati nhar it-Tlieta wara li Vince Muscat ammetta l-ħtija tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Sussegwentement, Muscat ingħata maħfra presidenzjali biex jikxef kollox dwar il-qtil tal-avukat Carmel Chircop fl-2015.

L-Avukati Alfred Abela u Renè Darmanin qed jidhru għall-aħwa Agius u Jamie Vella filwaqt li l-Avukat William Cuschieri qed jidher għal Degiorgio. Is-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Shawn Pawney flimkien mal-Avukat George Camilleri u Wayne Camilleri qed jidhru f’isem l-Avukat Ġenerali. L-Avukat Jason Azzopardi qed jidher f’isem il-familja Caruana Galizia.

Talba għall-iffriżat tal-assi minn naħa tal-Prosekuzzjoni ġiet milqugħa bid-difiża f’dan l-istadju ma tagħmilx talba għal libertà proviżorja.