Lokali

Roberta Metsola se tmexxi investigazzjoni dwar il-Frontex

Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ġiet eletta bħala l-President tal-kumitat investigattiv il-ġdid, li ġie nkarigat biex jinvestiga l-allegazzjonijiet dwar it-tmexxija tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll lir-rwol tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, il-Frontex.

Il-ħatra tagħha kienet appoġġata minn kull grupp politiku ewlieni fil-Parlament Ewropew fejn Roberta Metsola se tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew fi żmien erba’ xhur.

Hi spjegat li f’dan il-kumitat se jiffukaw fuq aspetti differenti inkluż il-konformità u r-rispett tad-drittijiet fundamentali; l-amministrazzjoni interna tal-Aġenzija, u l-importanza li jintlaħqu standards ta’ trasparenza u kontabilità li huma dejjem mistennija minn kull aġenzija tal-UE.

Roberta Metsola qalet li l-mandat ta’ dan il-Kumitat ġdid huwa wiesgħa apposta biex ikun jista’ jħares lejn kull aspett differenti tal-ħidma tal-Aġenzija. Hi qalet li se jkun hemm ukoll analiżi fuq jekk din il-ħidma tal-Frontex taqbilx mal-valuri u l-miri tal-UE fuq dan is-suġġett.