Lokali

Tlieta l-isptar wara inċident f’Ħal Tarxien

Tliet persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei wara li weġġgħu f’inċident tat-traffiku li seħħ għallħabta ta’ 12.00, fi Triq San Anard, Ħal Tarxien.

Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett u mill-ewwel investigazzjonijiet illi saru rriżulta li seħħet ħabta bejn BMW misjuqa minn raġel ta’ 67 sena li jgħix il-Fgura, Toyota Ractis misjuqa minn raġel ta’ 78 sena u li miegħu kien hemm mara ta’ 72 sena, it-tnejn mill-Fgura, u Skoda misjuqa minn Ingliż ta’ 69 sena u passiġġiera miegħu kien hemm Ingliża ta’ 73 sena, minn Ħaż-Żabbar.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u diversi ambulanzi li ħadu liż-żewġ Ingliżi u l-mara ta’ 72 sena, l-isptar.

Iktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi, il-mara ta’ 72 sena weġġgħet ħafif filwaqt li l-kundizzjoni tal-mara Ingliża għadha mhix magħrufa.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.