“Il-proċeduri iridu jieħdu l-kors tagħhom. U anke l-investigazzjonijiet”.
Hekk stqarr il-Prim Ministru Robert Abela meta sejjaħ lill-ġurnalisti f’Kastilja biex jitkellem dwar proċeduri pendenti fil-Qorti. Dan meta fl-istess nifs qal li hemm bżonn “kawtela”.
Interessanti l-fatt li Abela illum irrefera biss għal allegat mastermind wieħed li skont hu huwa marbut mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-Prim Ministru iżda indika li l-każ ta’ Caruana Galizia għadu mhux magħluq.
Mistoqsi dwar il-politiku li qed jissemma b’rabta ma’ dan l-assassinju, Abela għażel li ma jweġibx.
Quddiem aktar domandi li saru minn Net News, Robert Abela fl-ebda ħin ma ċaħad li hemm isem ta’ “politiku” li qed jiġi implikat.
