Lokali Qorti

Dimech kien involut f’numru ta’ inċidenti oħra

Il-Pulizija mill-ewwel bdiet taħdem fuq it-teżi li kienu ċċaqilqu xi nġenji li kienu fis-sit ta’ kostruzzjoni fejn kienet tilfet ħajjitha Miriam Pace fit-2 ta’ Marzu li għadda. Sadanittant il-kuntrattur involut f’dan il-proġett kien involut f’numru ta’ inċident oħra qabel u wara. Fil-fatt ftit tal-ġranet wara huwa kellu nċident fejn kienet ikkollassat it-triq ta’ Pender Gardens.

Pace kellha 54 sena u kienet għal kwiet f’ darha fi Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun meta ġġarrfet il-binja li tinsab biswit sit ta’ kostruzzjoni. Pace nstabe kienet instabet mejta qalb it-tifrik wara sigħat ta’ tfittxijiet.

Dan ħareġ mix-xhieda tas-Supretenent Robert Vella meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ taż-żewġ Periti, akkużati wkoll bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace,  Roderick Camilleri ta’ 37 sena mir-Rabat u Anthony Mangion ta’ 73 sena mill-Gżira.

Nhar it-Tlieta, 9 ta’ Frar li għadda tnejn mill-erba’ akkużati mixlija bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace iddeċidew li l-każ tagħhom imur ġuri u għalhekk issa l-każ tagħhom mhux se jiġi ġġudikat mill-Qorti tal-Maġistrati.

Ludwig Dimech ta’ 38 sena minn Ħaż-Żebbuġ li kien il-kuntrattur u Nicholas Spiteri ta’ 43 sena mill-Imqabba li kien qed jaħdem fis-sit li fih seħħ l-inċident, infurmaw lill-Qorti li kienu qed iressqu oġġezzjoni skont il-liġi biex issa l-każ tagħhom jiġi deċiż minn ġurija fil-Qorti Kriminali.

Fuq għadd ta’ mistoqsijiet li saru mill-Avukat Arthur Azzopardi li qed jidher għall-akkużati u tal-Avukat Joe Giglio li flimkien mal-Avukat David Bonello qed jidher għall-familjari tal-vittma, s-Supretendent Vella qal li huwa kien f’kuntatt kontinwu mal-Periti mqabbda mill-Qorti fuq dan il-każ u fejn kienet inġibdet l-attenzjoni li kienu mċaqalqa l-inġenji.

Kienu wkoll ġew preżentati ritratti mportanti dwar dan li kienu propjetà tal-ġurnal In-Nazzjon u tat-Times. Ix-xhud qal ukoll li huwa jaf li l-kuntrattur Ludwig Dimech ta’ LK Limited kellu diversi nċidenti u semma’ każijiet li saru f’Ottubru tal-2002, Ġunju 2011, Mejju 2013, Ġunju 2019 u Diċembru 2019.

Tenna li fost l-inċidenti huwa kien qed isemmi anke dawk li saru fuq ħsarat ta’ cables tal-Enemalta. Qal ukoll li dawn ma humiex l-unika kuntratturi li kellhom problemi simili.

L-Avukat Azzopardi hawn għamel talba lill-Qorti biex għal fini ta’ riċerka sabiex hija tkun f’pożizzjoni aħjar is-Suprtetendent Vella jesebixxi dawk ir-rapporti li jinsabu fin-National Police System inkonnessjoni ma’ Ludwig Dimech jew il-kumpanija LK Limited. Ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni minn naħa tal-parte civile, bil-Qorti tilqa’ t-talba.

Dwar kemm ilhom jaħdmu bħala periti l-akkużati, x-xhud qal li ma jafx iżda ikkonferma dak li qal l-Avukat Giglio li mhumiex xi novelli f’dan il-qasam. Xehed ukoll l-Ispettur Matthew Galea, li bħas-Supretendent Vella, ħadem fuq dan il-każ.

Qal li huwa sab koperazzjoni qal li l-Pertit Camilleri kkopera filwaqt li l-akkużat Mangion eċerċià d-dritt tas-silenzju. Dwar jekk Ludwig Dimech u Nicholas Spiteri kienu nvoluti f’xi ‘frejjeġ’ f’dik li hija kostruzzjoni, qal li m’għandux informazzjoni dwar dan.

L-avukat Arthur Azzopardi staqsa dwar l-imħażen li hemm faċċata tas-sit, bix-xhud jgħid li l-Pulizija ġabbru CCTV cameras li kien hemm mal-imħażen. Qal li dawn inġabru qabel ma nstab il-katavru ta’ Miriam Pace. Dwar jekk kienx hemm Pulizija assenjat ma decoder ta’ camera partikolari, ix-xhud qal li kien hemm Pulizija, fixed point.

L-Avukat insista biex huwa jgħid jekk kien hemm ma’ din il-camera partikolari, li hija numru 28, li għandha l-filmat ta’ qabel u wara li ġġarfet id-dar ta’ Pace pero’ l-filmat ta’ fil-ħin li waqgħet m’hemmx. Ix-xhud qal li ma jafx dwar dan il-punt.

Xehed ukoll Martin Saliba, Chairperson tal-Awtorità tal-Ippjanar li qal li ma kien hemm ebda ‘objection’ għal meta saret l-applikazzjoni għal dan il-permess.  Wara xehed Ivor Robinich li jaħdem mal-Building Construction Agency, l-BCA. Qal li jekk ikun hemm bżonn li jsir xi tqattigh u b’liema makkinarju, dik hi f’idejn l-esperti, jiġifieri f’idejn il-periti.

Ix-xhud tenna li fil-konfront ta’ Ludwig Dimech inħarġu enforcement notices u fuq is-sit fejn kien għaddej ix-xogħol mill-kumpanija tiegħu, u dan kemm qabel u kemm wara l-inċident ta’ Miriam Pace.  Tenna li kien hemm minn tal-inqas tliet każi fejn inħarġu ordnijiet ta’ twaqqif mill-BCA.

Wara tela’ jixhed Ray Scicluna, skrivan fil-Kamra tar-Rappreżentanti. Huwa ppreżenta rapport li ġie ppreżentat fil-Parlament f’Jannar tal-2021.  Huwa ppreżenta wkoll l-minuti tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Xehed ukoll il-Perit Gordon Zammit fejn tenna li kien ġie mqabbad wara li ġie approvat il-permess u ħejja rapport għall-familja Zerafa. Huwa ntalab jara dokument li kien ħejja hu stess. Ikkonferma u kien għaddih lill-familja Zerafa b’mod elettroniku.

Qal li s-Sinjura Zerafa kienet staqsietu jekk tistax tgħaddi l-‘condition report’ lill-Perit tal-proġett. L-avukat Azzopardi staqsa lix-xhud jekk apparti d-deskrizzjoni tal-kmamar tas-sodda jekk rax nuqqasijiet oħra dwar il-propjetà ta’ Zerafa.

Il-Perit qal li kieku kien hemm nuqqasijiet oħra kien iniżżilhom imma fir-rapport tiegħu indika li l-fond tad-dar ma kienx korrett skont dak li ppreżentaw il-Periti tal-proġett. Żied li għadda kopja tal-method statements lis-sinjura Zerafa.

Il-kumpilazzjoni qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, il-prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretndent Robert Vella u l-Ispettur Matthew Galea. L-avukat Arthur Azzopardi u Alfred Abela qed jidhru għall-Periti. Il-każ ikompli għada l-Ġimgħa fit-8.30am.