Internazzjonali

Covid-19: Il-vaċċin tal-Johnson & Johnson hu ‘sikur u effettiv’…..Il-UE impenjata biex tħaffef il-programmi tat-tilqim

Ir-regolaturi tal-mediċini fl-Istati Uniti dikjaraw il-vaċċin ġdid ta’ Johnson & Johnson għal kontra l-Covid-19 bħala ‘sikur u effettiv’, Il-vaċċin jirrikjedi biss tilqima ta’ darba u mistenni li, fi ftit ġranet oħra, ikun it-tielet vaċċin awtorizzat mill-Istati Uniti biex il-pajjiż jikkumbatti aħjar l-effetti tal-coronavirus.

Il-vaċċin qed jitqies ukoll bħala ‘alternattiva li tiffranka l-ispejjeż’ meta paragunat mal-vaċċini prodotti minn Pfizer-BioNTech u Moderna. Fl-istess ħin, il-vaċċin ġdid jista’ jinżamm fi friġġ minflok fi freezer.

Il-provi għall-vaċċin ta’ Johnson & Johnson sabu li dan kapaċi jevita l-mard serju dovut għall-Covid-19 iżda mill-banda l-oħra qed jidher effettiv ‘biss’ fuq livell ta’ 66 fil-mija ( b’mod ġenerali) meta wieħed jinkludi l-każi tal-mard moderati.

Madankollu, il-kumpanija qablet li tipprovdi lill-Istati Uniti b’100 miljun doża sal-aħħar ta’ Ġunju. Ir-Renju Unit, l-Unjoni Ewropea u l-Kanada wkoll ordnaw id-dożi mingħand Johnson & Johnson waqt li 500 miljun doża oħra kienu ordnati permezz tal-Iskema tal-Covax li qed taħseb biex tipprovdi l-vaċċini kontra l-coronavirus lill-pajjiżi foqra u sotto-żviluppati.

Id-data relatata mal-vaċċin ġdid qed ikun provdut minn Janssen, li hi fergħa farmaċewtika ta’ Johnson & Johnson, Sadanittant, il-Food and Drug Administration (FDA) tal-Istati Uniti konkludiet li dan il-vaċċin ‘jibbenefika l-impenji lejn it-tnaqqis tas-sintomi u mard sever dovuti għall-Covid-19’.

Ir-riżultati tal-provi għall-vaċċin li saru fl-Istati Uniti, l-Afrika t’Isfel u l-Brażil urew ‘livell għoli ta’ effiċjenza’ kontra l-agħar effetti tal-virus, iżda l-livell ta’ protezzjoni ġenerali kien anqas fl-Afrika t’Isfel u l-Brażil – iż-żewġ pajjiżi fejn qed jiddominaw il-varjanti l-ġodda tal-Covid-19.

Intant, il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea se janalizzaw, permezz ta’ videoconference, l-impenn biex, kemm jista’ ikun, iħaffu l-produzzjoni u ‘rollout’ tal-vaċċini kontra l-Covid-19. Dan meta l-Ewropa tinsab f’tellieqa mal-ħin biex trażżan il-firxa tal-varjanti tal-coronavirus – u fost l-inkwiet li dawn il-varjanti kapaċi jwasslu għal tielet mewġa tal-pandemija madwar il-kontinent.

Il-mexxejja Ewropej anki qed jikkunsidraw kif isibu l-bilanċ ideali bejn ir-restrizzjonijiet soċjali intiżi biex inaqqsu l-firxa tal-infezzjonijiet u l-ħtieġa li l-fruntieri jibqgħu miftuħa biex jaċċertaw il-movimenti bla xkiel ta’ prodotti u servizzi fiz-zoni tas-suq ħieles (għall-Ewropa).

Il-pressjoni fuq il-mexxejja Ewropej hi kbira, għaliex minkejja li r-rati tal-infezzjoni  qegħdin jonqsu f’madwar 20 Stati-membri tal-UE, hemm l-inkwiet dwar il-possibbiltà ta’ spinta ġdida (spikes) fil-każi tal-virus. Dan ukoll meta l-varjant ‘tar-Renju Unit’ sar l-element ewlieni tal-Covid-19 fl-Ewropa.