Minkejja li l-pandemija ġabet ħafna restrizzjonijiet magħha, l-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal-Kirkop, baqgħet iżżomm il-filantropija fuq quddiem tal-aġenda tal-iskola.
F’Ottubru u Novembru saru żewġ casual days marbuta ma’ Pink October u Movember. L-istaff u l-istudenti kienu liberi jagħtu donazzjoni u dan wassal sabiex inġabret is-somma ta’ €1228.21.
Fl-aħħar jiem din is-somma kienet preżentata lill-Kap Eżekuttiv ta’ Hospice Malta Kenneth Delia mis-Surmast tal-iskola Adrian J. Galea. Kenneth Delia filwaqt li rringrazzja lill-iskola tal-impenn tagħha, spjega kif din is-somma ser tkun qed tgħin biex ikompli jitwettaq il-proġett St Michael Hospice.
Dan il-proġett ambizzjuż diġà nbeda x-xogħol fuqu u huwa stmat li ser jiġi jiswa ’l fuq minn tnax-il miljun ewro. Bil-proġett St Michael Hospice, se jkunu qed jitkabbru l-faċilitajiet u s-servizzi diġà offruti mill-Hospice Malta sa mill-1989.
Adrian Galea awgura li dan il-proġett, li hu maħsub li jitlesta lejn l-aħħar tas-sena d-dieħla, isaħħaħ is-servizzi u l-kontribut li Hospice Malta dejjem tat lill-pazjenti ta’ mard serju.
//= $special ?>