Lokali

“Fejn ma jaħdmux l-istituzzjonijiet, is-soċjetà ċivili f’Malta taħdem” – Repubblika

L-organizzazzjoni Repubblika esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li minkejja d-dikjarazzjonijiet ambigwi, kontradittorji u konsegwentement qarrieqa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar irreżenjat mill-Gvern.

Repubblika qalet li Cutajar imissha wkoll tirreżenja mill-Parlament u wara li ħalliet lil Yorgen Fenech jisserva mill-pożizzjonijiet pubbliċi tagħha, tassumi r-responsabbiltà kollha u tħalli l-ħajja pubblika.

Iżda żgur, qalet Repubblika, hu pass pożittiv li Rosianne Cutajar m’għadhiex membru tal-gvern. Il-Prim Ministru Robert Abela tilef opportunità li jibgħat sinjal li jrid governanza tajba meta baqa’ jirrifjuta li jkeċċi lil Rosianne Cutajar.

Repubblika stqarret li hi impenjata li tkompli l-isforzi tagħha biex tippromwovi l-governanza tajba u se tuża l-mezzi kollha possibbli biex tinsisti li min fil-politika jindihes mill-kriminali, iwarrab u jagħti kont t’egħmilu.