Enerġija Lokali

Gvern reattiv fil-politika tal-vetturi elettriċi – PN

Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għall-istqarrija maħruġa mis-Servizz Pubbliku fejn, skont din l-istqarrija, ġiet ikkummissjonata analiżi tal-flotta tas-Servizz Pubbliku u b’hekk beda x-xogħol sabiex vetturi fis-Servizz Pubbliku jinqalbu biex jaħdmu bl-elettriku.

Dan sostnewh il-Kelliem għall-Oppożizzjoni għall-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli Ryan Callus, il-Kelliem għall-Oppożizzjoni għat-Trasport Toni Bezzina u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija l-Ħadra David Thake fejn insistew li din mhux l-ewwel darba li l-Gvern daqq din id-diska li beda dan ix-xoghol. Fil-15 ta’ Gunju l-Ministru għall-Enerġija ta’ dak iż-żmien, Michael Farrugia kien qal li l-Gvern Laburista kien qed jikkunsidra l-idea li jbiddel il-vetturi tiegħu għal vetturi elettriċi.

Huwa saħqu li skont l-istqarrija tal-lum il-Gvern se jkollu r-riżultat ta’ dan l-istudju mhux inqas minn sitt xhur oħra, “Jidher ċar li l-Gvern Laburista qed juru inkompetenza sħiħa anki f’dal-qasam.”

Filwaqt li kien Gvern Nazzjonalista ta’ qabel l-2013 li kien diġa’ beda jinċentiva lill-poplu sabiex jagħmel l-bidla għall-karozzi elettriċi, l-Gvern Laburista dam aktar minn seba’ snin jaħsiba u jistudja.

Il-Kelliema għall-Oppożizzjoni spjegaw li kien biss wara li l-Partit Nazzjonalista ħareġ bil-pjan maħsub u studjat tiegħu għall-enerġija li l-Gvern daħal f’paniku u qed joħroġ stqarrija waħda wara l-oħra biex jagħti l-impressjoni li dak il-futur sabiħ li għandu għal pajjiżna l-PN, diġa’ kien qed jaħseb fih il-Gvern ta’ Robert Abela.

“Ir-realta’ hi, li f’dan il-qasam, il-Gvern għandu falliment sħiħ. Infrastruttura ta’ charging pillars li hija dik li ħalla Gvern Nazzjonalista u ebda idea meta l-pillars il-ġodda se jibdew jintużaw.”

Flotta ta’ karozzi li għadhom lanqas bdew jaqilbuha b’serjeta’ għal flotta elettrika.

Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti l-importanza li jixraq lill-pjan tiegħu sabiex jassigura arja nadifa għall-poplu tagħna filwaqt li jkollna sistema ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija li dejjem tniġġes anqas sakemm ma tniġġes xejn.