Lokali

Il-Ministri skomdi dwar dak li qal il-Koħħu

Il-Ministri Ian Borg u Miriam Dalli huma fost il-membri tal-Kabinett li mhux komdi jiċħdu jekk Vince Muscat – li ammetta l-akkużi tiegħu fil-konfront tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia – semmiex lil xi politiku jew eks politiku mal-Pulizija.

Dan meta mistoqsija minn NET News, ftit jiem biss wara li l-Kabinett tal-Ministri ssuġġerixxa lill-President tar-Repubblika biex il-Koħħu jingħata l-Maħfra Presidenzjali dwar il-qtil ta’ Avukat fl-2015. Fl-istess laqgħa tal-Kabinett attendew fost l-oħrajn il-Ministri Borg u Dalli, kif ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.

Għaldaqstant – u fid-dawl tal-preżenza tagħhom waqt dan l-aġġornament – mhux ċar għaliex il-membri tal-Kabinett qed jibqgħu ma jridux jieħdu pożizzjoni ċara dwar dak li ġie żvelat mill-media indipendenti.

Skomdu għalkollox mill-mistoqsija ta’ NET News, il-Ministru Ian Borg għażel li ma jweġibx billi dar għall-mistoqsija ta’ xi ġurnalist ieħor. Dan wara li qal li l-Prim Ministru diġà wieġeb għal din il-mistoqsija, għalkemm dan hu fatt li għalkollox mhux minnu.

U ladarba ħadd mill-ġurnalisti l-oħrajn ma għamel xi mistoqsija oħra, NET News kompla jistaqsi, bil-Ministru jistieden hu lill-ġurnalist tax-Xandir tal-Istat biex jieħodlu kumment separatament.

Min-naħa tagħha, il-Ministru Miriam Dalli ħarbet milli twieġeb billi tfarfar fuq il-Kummissarju tal-Pulizija, għalkemm ma twegibx jekk fil-verità, il-Korp għandux almenu informazzjoni dwar dan.