Futbol Lokali Sport

Il-PN jappoġġja l-istrateġija tal-MFA b’risq is-sostenibbiltà tal-futbol Malti – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista jappoġġja bis-sħiħ l-istrateġija mnedija mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA) ftit tal-jiem ilu bil-għan li l-isport ikun aktar sostenibbli. Din il-ħidma għandha tkun fuq nett tal-aġenda ta’ kulħadd.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta mexxa delegazzjoni tal-Partit f’laqgħa ma’ delegazzjoni tal-MFA, immexxija mill-President Bjorn Vassallo. Bernard Grech spjega li, anke f’din il-missjoni tal-Assoċjazzjoni, il-Partit immexxi minnu mhux sempliċi partitarju, iżda wkoll parteċipi.

Faħħar il-ħidma tal-MFA għax qal li din tagħti l-opportunità lil kull tifel u tifla biex jaslu bil-ħila tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-pjaga tal-matchfixing tweġġa’ mhux biss lill-isport, iżda anke ll kulmin irid jasal bil-mertu tiegħu.

Min-naħa tiegħu, Bjorn Vassallo spjega li l-Assoċjazzjoni trid issaħħaħ il-logħba tal-futbol għall-benefiċċju tal-poplu kollu. Dan ghaliex temmen li s-sostenibbiltà tal-isport hi kollox u tista’ tkun possibbli biss bis-sehem ta’ kulħadd.

Il-President tal-MFA kompla li l-klabbs qed jifhmu li dan qed isir biex nimxu ‘l quddiem, konxji li l-proċess jista’ jieħu s-snin. Hu appella għall-impenn komuni taż-żewġ naħat tal-Kamra u għalhekk, hu rringrazzja personalment lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-interess personali li qed juri.

Bjorn Vassallo rringrazzja wkoll lill-predeċessuri tiegħu, partikolarment lil Norman Darmanin Demajo, talli kien strumentali biex l-istrutturi tal-Assoċjazzjoni jissaħħu għal kif inhuma llum. Kien għalhekk li hu qed jibni fuq din il-ħidma bil-preżentazzjoni ta’ din l-istrateġija.

Fi tmiem il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien ippreżentat bi flokk tat-Tim Nazzjonali u anke ddawwar mal-post, fosthom l-Istadium Nazzjonali u t-Training Grounds.

Matul iż-żjara, Bernard Grech kien akkumpanjat ukoll fost l-oħrajn mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u Sport Clyde Puli u mill-President ta’ TimSport PN Chris Micallef.