Lokali

“Il-PN se jibqa’ jissielet ħalli l-ġustizzja ssir u ssir ma’ kulħadd” – Bernard Grech

“Il-Prim Ministru Robert Abela ma’ jistax jibqa’ jitkellem qisu qatt m’għamel parti mill-Partit Laburista tal-aħħar snin, immexxija mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun mutur sabiex il-ġustizzja ssir u ssir ma’ kulħadd”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’konferenza tal-aħbarijiet fejn sostna li għat-tieni darba fi tlett ijiem Robert Abela prova jieħu l-mertu fejn bl-aktar mod ċar m’għandux.

Filwaqt li wera solidarjetà mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia huwa sostna li Robert Abela m’għandux jindaħal fix-xogħol tal-Korp tal-Pulizija u għandu jibqa’ jħalli l-Korp iwettaq il-ħidma tiegħu fil-libertà.

Huwa saħaq li pajjiżna wasal s’hawn frott ix-xogħol tal-Partit Nazzjonalista u tas-soċjetà ċivili li baqgħu jippersistu sabiex l-affarijiet jitilgħu fil-wiċċ.

Bernard Grech insista li l-Gvern ta’ Robert Abela għandu mannara fuq rasu wara snin ta’ nuqqasijiet mill-kuriduri ta’ Kastilja – bir-reputazzjoni ta’ pajjiżna tingħata majnata wara l-oħra kawża tal-klima ta’ impunità trażmessa mill-ogħla karigi fil-Gvern.

Huwa insista li minkejja t-tgħajjir u theddid personali li rċevew membri tal-Oppożizzjoni, dawn baqgħu jippersistu sabiex illum mxejna pass ieħor ‘il quddiem.

Il-Kap tal-PN sostna li wasalna s’hawn minkejja t-tentattivi mill-ogħla saffi tal-poter tal-pajjiż sabiex ifixklu l-investigazzjonijiet.

Intant, wara li Rosianne Cutajar irreżenjat mill-kariga ta’ Segretarju Parlamentari sakemm jitlesta r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika – Bernard Grech insista li din hija wirja li Abela falla test ieħor għax ma kellux kuraġġ jaġixxi mill-ewwel – għal darb’oħra reattiv għal Partit Nazzjonalista u s-Soċjetà Ċivili.