Lokali

“Istituzzjonijiet li flok qiegħdin jaħdmu, qiegħdin jaħdmuna” – Mark Anthony Sammut

“Wasalna fejn wasalna illum grazzi għall-ħidma tal-Partit Nazzjonalista u tas-Soċjetà Ċivili li baqgħu jirsistu sabiex il-verità toħroġ, minkejja t-tfixkil kontinwu tal-istituzzjonijiet sabiex il-poplu jibqa’ bl-għamad ma’ għajnejh.”

Sostna dan il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut waqt diskussjoni fil-programm l-Erbgħa fost il-Ġimgħa fejn insista dwar l-importanza li ma ninsewx il-fatti li seħħew fl-aħħar erbgħin xahar.

Mark Anthony Sammut insista li kull darba li kienu ser jiġu arrestati xi persuni b’rabta mal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia, b’xi mod u manjiera kienu qed jiġu infurmati minn qabel… bħal fil-każ tal-aħwa George u Alfred Degiorgio u l-arrest ta’ Vince Muscat.

Hu kompla jgħid li ankè Yorgen Fenech, l-akkużat b’kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista, u Melvin Theuma l-middle man kienu infurmati minn qabel bl-arresti… dejjem skont ix-xhieda li ħarġet fil-Qorti.

“Jiena xi ħadd irid jispjegali kif Yorgen Fenech ġie infurmat b’dan l-arrest kif ma kien hemm l-ebda politiku involut jew l-ebda politiku ma kienx jaf.”

Martk Anthony Sammut sostna li l-poplu fl-aħħar ġimgħat sar jaf li l-għada ta’ dawn l-arresti l-eks Prim Ministru Joseph Muscat fetaħ whatsapp group fejn fih stieden lil Keith Schembri u lil Fenech jgħidilhom li hemm bżonn jitkelmu.

Dan filwaqt li insista li ankè fl-arrest ta’ Melvin Theuma, wara li kixef ismu l-Koħħu, kienu avżawh li l-Pulizija ser jarrestawh, u marru għalieh bil-kumdità tiegħu.

Hekk ukoll avżaw lil Yorgen Fenech….

Huwa insista li dawn il-fatti kollha kemm huma u aktar magħhom juru biċ-ċar li l-istituzzjonijiet ma kienux qed jiffunzjonaw.

“F’dal pajjiż l-istituzzjonijiet tal-pajjiż mhux jaħdmu kienu qiegħdin, imma jaħdmuna.”