Futbol Sport

Jikkwalifikaw Arsenal, Man Utd u Milan fost l-oħrajn fil-UEFA Europa League

(Ritratt: EPA)

Arsenal għaddew mal-aħħar sittax fil-UEFA Europa League hekk kif għelbu lil Benfica 3-2 f’Ateni. Arsenal marru fil-vantaġġ fil-21 minuta meta wara pass tajjeb ta’ Bukayo Saka li nifed id-difiża ta’ Benfica, kien l-attakant prolifiku PIERRE EMERICK AUBAMEYANG li b’delikatezza qabbeż minn fuq il-gowlkiper għal 1-0. Madanakollu kontra ix-xejra tal-logħob Benfica kisbu l-gowl tad-draw fit-43 minuta premezz ta’ free kick mill-isbaħ ta’ DIOGO GONCALVES. Arsenal għal darb’oħra kienu maħsuda fil-61 minuta, meta wara żball difensiv ta’ Dani Ceballos, kien RAFA SILVA li approfitta, u wara li dar mal-gowlkiper Leno tefa’ ġewwa għal 2-1.

Iżda Arsenal komplew jiddominaw il-ballun u fis-76 minuta kisbu l-gowl tad-draw permezz ta’ xutt b’saħħtu fil-baxx ta’ KIERAN TIERNEY. Arsenal assiguraw il-kwalifikazzjoni tagħhom fis-87 minuta meta għal darba minn cross ta’ Bukayo Saka reġa’ kien PIERRE EMERICK AUBAMEYANG li tefa’ ġewwa bir-ras u tefa’ lil Arsenal mal-aħħar sittax.

F’partita nieqsa mill-azzjonijiet Man Utd kisbu draw ta’ mingħajr gowls kontra Real Sociedad, bit-tim Ingliż jgħaddi għar-rawnd li jmiss wara ir-rebħa li kisbu l-ġimgħa l-oħra bl-iskor ta’ 4-0. B’hekk sar it-tielet tim Ingliż li għadda mal-aħħar sittax ta’ din il-kompetizzjoni flimkien ma’ Tottenham u Arsenal.

Milan ukoll għamluwha mal-aħħar sittax hekk kif ġew fi draw ta’ 1-1 kontra Crvena Zvesda, iżda għaddew bir-regola tal-gowls barra minn darhom hekk kif fl-ewwel leg spiċċaw fi draw ta’ 2-2 barra minn darhom. Milan marru fil-vantaġġ kmieni fil-partita permezz ta’ penalty mogħti u skorjat minn FRANCK KESSIE. Madanakollu Crvena Zvesda irrispondew fl-24 minuta meta Mirko Icvanix sab li EL FARDOU BEN NABOUHANE li għeleb lil Donnarumma għal 1-1. Ghal Crvena Zvesda tkeċċa Marko Gobeljic fis-70 minuta.

Rangers huwa tim ieħor li rnexxielu jagħmilha mal-aħħar sittax b’rebħa kbira ta’ 5-2. Il-gowls fl-ewwel taqsima waslu permezz ta’ ALFREDO MORELOS fid-disa’ minuta għal Rangres biex fil-31 minuta Royal Antwerp kisbu l-gowl tad-draw permezz ta’ LIOR REFEALOV fuq pass ta’ Jordan Lukaku. Fit-tieni taqsima Rangers ħarġu agressivi u minuta wara l-ftuħ reġgħu marru fil-vantaġġ din id-darba permezz tas-sostitut NATHAN PATTERSON. Rangers skorjaw it-tielet gowl disa’ minuti wara permezz ta’ Ryan Kent. Royal Antwerp naqqsu id-distakk minuta wara meta DIDIER LAMKEL ZE għeleb lil gowlkiper McGregor b’xutt mid-distanza. Iżda Rangers komplew iżidu mal-gowls fil-81 minuta meta BORNA BERISIC ikkonverta mill-ħdax-il metru. L-Iskoċċiżi inagħtaw penalty ieħor fit-92 minuta li inkariga ruħu minnu Cedric Itten li skorja għal skor finali ta’ 5-2.

Minkejja li Napoli kisbu rebħa ta’ 2-1 fuq Granada, iżda kienu l-Ispanjoli li għamluwha għall-fażi li jmiss bl-aggregate score. Napoli marru fil-vantaġġ kmieni fil-partita proprju fit-tielet minuta permezz ta’ PIETR ZIELINSKI iżda Granada irrispondew bil-gowl tad-draw fil-25 minuta permezz ta’ ANGEL MONTORO li tefa’ ġewwa fuq pass ta’ Dimitri Foulquier. Napoli reġgħu marru minn fuq fid-59 minuta meta kien Lorenzo Insigne li għadda lejn FABIAN, b’da tal-aħħar jitfa fix-xibka għal 2-1.

Villareal huwa tim Spanjol ieħor li għadda għar-rawnd li jmiss fl-Europa League. Salzburg marru fil-vantaġġ fis-17-il minuta meta Patson Daka sab lil MERGEM BERISHA li kkonkluda għal ġewwa. Iżda Villareal kellhom ħsieb ieħor hekk kif fl-40 minuta l-Ispanjol Paco Alcacer għadda lejn GERARD MORENO li bil-konklużjoni tiegħu għamel l-iskor 1-1. Villareal aċċertaw ruħhom mill-kwalifikazzjoni fid-89 minuta minn penalty ta’ GERARD MORENO.

Ilbieraħ: Tottenham v Wolfsberger 4-0 (8-1),Illejla: Ajax v Lille 2-1 (4-2), Arsenal v Benfica 3-2(4-3), Hoffenheim v Molde 0-2(3-5)
Rangers v R.Antwerp 5-2(9-5), Napoli v Granada 2-1(2-3), Shaktar v M.Tel Aviv 1-0(3-0), Villareal v Salzburg 2-1(4-1), Milan v C.Zvezda 1-1(3-3)
B.Leverkusen v Y. Boys 0-1(3-5), Club Brugge v D. Kyiv 0-1(1-2), D. Zagreb v Krasnodar 1-0(4-2), Leicester v S.Prague 0-2(0-2), Man Utd v R.Sociedad 0-0(4-0), PSV v Olympiacos 2-1(4-5), Roma v Braga 3-1(5-1)