Sport Waterpolo

Konklużi żewġ trasferimenti importanti ta’ plejers xellugin fil-waterpolo lokali

Hekk kif għada jingħata bidu għall-istaġun tal-waterpolo għal din is-sena, fl-aħħar jiem ġew konklużi żewġ trasferimenti importanti ta’ żewġ plejers xellugin. Michael Spiteri Staines iffirma kuntratt ta’ erba’ snin ma’ Neptunes filwaqt li l-istess klabb ċeda b’self lil Nikolai Zammit għal ma’ Valletta United.

Spiteri Staines se jagħti lit-tim ta’ Neptunes esperjenza qalb tim mimli żgħażagħ. Minkejja li għad għandu 28 sena, Spiteri Staines ilu sa mill-2009 jilgħab fil-kampjonat ewlieni tal-waterpolo u għandu l-għan li jgħin lil Neptunes jirritornaw għar-rebħ tal-unuri. Ħlief eċċezzjonijiet ta’ żewġ staġuni ma’ Valletta United, Spiteri Staines dejjem lagħab ma’ Sliema u inċidentalment se jerġa’ jkun qed jilgħab flimkien ma’ ħuh James. Dan wara li ż-żewġt aħwa kienu jilagħbu flimkien ma’ Sliema u Valletta.

Nikolai Zammit se jkun qed jittama li jerġa’ jikseb l-aqwa forma tiegħu wara li temm l-istaġun li għadda ma’ Neptunes fuq nota negattiva. Għal Valletta, dan l-akkwist jitqies bħala dikjarazzjoni oħra tal-intenzjonijiet tagħhom li jkomplu jtejbu t-tim wara li s-sena l-oħra reġgħu naqsu li jilagħbu fil-Kampjonat Premier. Iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena ilu sa mill-2017 jifforma parti mit-tim ewlieni ta’ Neptunes u sena wara l-oħra kompla jtejjeb il-prestazzjonijiet tiegħu u beda jsir wieħed mill-aqwa skorers fit-tim biex anki beda jħabbat il-bibien tat-tim nazzjonali ewlieni.

Jekk Spiteri Staines se jingħaqad ma’ ħuh fit-tim ta’ Neptunes, l-istess se jagħmel Zammit hekk kif ħuħ Miguel ingħaqad ma’ Valletta fl-2019, ukoll wara li kien jilgħab ma’ Neptunes. Iż-żewġ plejers huma t-tfal ta’ Charlie Zammit, isem sinonimu mal-waterpolo lokali għal tliet diċenji sħaħ bħala plejer.

Enemed Cup

Għada: Otters v Exiles 6.30pm, Neptunes v Marsaxlokk  7.35pm