Lokali

L-ajruport Malti bi tnaqqis ta’ kważi €70 miljun fid-dħul fl-2020

Tnaqqis ta’ 76.1% fin-numru ta’ passiġġieri li għaddew mill-Ajruport

L-2020 kienet l-ewwel sena li ngħalqet bit-telf minn meta l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien privatizzat fl-2002

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar li d-dħul totali ġġenerat mill-Grupp tul is-sena li għaddiet naqas bi €68 miljun jew b’67.9% meta mqabbel mal-2019.

Fi stqarrija, l-MIA qalet li l-pandemija tal-Covid-19 li ġabet għadd ta’ restrizzjonijiet fl-ivvjaġġar, wasslet għal tnaqqis ta’ 76.1% fin-numru ta’ passiġġieri li għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fl-2020 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Dan it-tnaqqis wassal għall-agħar riżultat tat-traffiku sa mill-privatizzazzjoni tal-ajruport fl-2002 kif ukoll għall-ewwel sena li ngħalqet bit-telf minn dakinhar ’l hawn.

Ir-riżultati finanzjarji tal-Malta International Airport plc juru li filwaqt li d-dħul mis-segment tal-avjazzjoni tal-kumpanija wera tnaqqis ta’ 74.8%, id-dħul minn attivitajiet tan-negozju mhux marbutin mal-avjazzjoni, inklużi l-prodotti VIP, il-kera u l-parkeġġ, naqas b’51.4%.

B’kuntrast mal-2019, meta l-Grupp temm is-sena bi pofitt wara t-taxxa ta’ €33.9 miljun, is-sena 2020 ngħalqet b’telf nett ta’ €4.3 miljun.

“Ir-riżultati eċċellenti li ksibna qabel l-2020 sarrfu f’reżiljenza li għinitna naffaċċjaw l-isfidi bla preċedent tas-sena li għaddiet. Minħabba li l-inċertezza sinifikanti u l-kunfidenza tal-konsumatur baxxa qegħdin ikomplu jiddominaw l-industrija tal-avjazzjoni, jeħtieġ li nkomplu nkunu kawti fil-ġestjoni tal-finanzi tagħna sabiex insaħħu l-abbiltà tagħna li nilqgħu għal aktar maltemp u nħarsu l-interessi fit-tul tal-partjiet interessati kollha filwaqt li naċċertaw li nkunu lesti għal meta l-industrija tibda tirkupra,” qal Alan Borg, il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Id-dikjarazzjonijietr finanzjarji tal-Grupp juru wkoll li, permezz ta’ programm ta’ tnaqqis fl-ispejjeż u preservazzjoni tal-likwidità, l-MIA rnexxielha tbaxxi n-nefqa totali tagħha għal €26.6 miljun (28.3%) għas-sena 2020. Il-grupp irrapporta li l-ispejjeż marbutin mal-persunal irreġistraw tnaqqis ta’ €2.2 miljun b’riżultat tal-iskema tal-Covid-19 ta’ Suppliment għall-Pagi, u tnaqqis temporanju fil-pagi li kien fis-seħħ bejn April u Lulju 2020, filwaqt li n-nefqa marbuta mal-operat tnaqqset bi €8.3 miljun.