Internazzjonali

L-Awstralja tgħaddi l-liġi biex Facebook u Google iħallsu għall-aħbarijiet fuq is-siti rispettivi

L-Awstralja saret l-ewwel pajjiż li għadda liġi li għandha ġġiegħel lill-kumpaniji tas-social media ‘Facebook’ u ‘Google’ iħallsu għall-kontenut tal-aħbarijiet li jidhru fuq il-mezzi (platforms) rispettivi.

Iż-żewġ kumpaniji ġganti, qabel, kienu opponew bil-qawwi għal-leġislazzjoni, u l-ġimgħa l-oħra, Facebook imblokka kull materjal relatat mal-aħbarijiet għall-abbonaturi Awstraljani b’konsegwenza tat-tilwima. Madankollu, Facebook irtira minn din il-pożizzjoni wara negozjati mal-Gvern Awstraljan.

Il-liġi, issa, għaddiet bl-emendi li jagħmluha possibbli biex Facebook u Google ma jkunux suġġetti għal-leġislazzjoni – madankollu ż-żewġ kumpaniji impenjaw ruħhom biex iħallsu xorta s-somom kbar lil xi stampaturi tal-aħbarijiet Awstraljani.

Il-liġi tal-Awstralja qed titqies bħala ‘mudell potenzjali’ għall-introduzzjoni ta’ liġijiet simili f’pajjiżi oħra li, ‘il quddiem, jistgħu jinsistu għall-ħlas mingħand id-digital platforms biex dawn jippubblikaw l-aħbarijiet fuq is-siti rispettivi.