Lokali

“Nawgura li ssir magħrufa l-verità, issir ġustizzja u tinġarr ir-responsabbiltà” – Bernard Grech

“Nawgura li l-avvenimenti li seħħew f’Malta matul dawn il-ġranet relatati mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jkunu l-ewwel pass veru biex issir magħrufa l-verita’, issir il-ġustizzja u li tinġarr ir-responsabbilta’.”

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta llum indirizza summit virtwali tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fejn irringrazzja lill-mexxejja Ewropej oħrajn fil-PPE għall-appoġġ tagħhom u ta’ pajjiżhom għal
Malta u għall-ġlieda tal-PN matul dawn l-aħħar snin għall-ġustizzja.

Dwar il-pandemija tal-COVID-19, Bernard Grech qal li jeħtieġ li jitfassal ċertifikat tal-vaċċinazzjoni komuni Ewropew, li jkun l-ewwel pass lejn ivvjaġġar sigur u biex bil-mod nerġgħu nqajjmu l-ekonomiji u l-industriji partikolarment dawk turistiċi, li ħadu daqqa kbira u kellhom iġorru piż enormi kemm personali, soċjali u ekonomiku matul dil-pandemija.

Għalhekk jeħtieġ li jissaħħaħ il-proċess tal-vaċċinazzjoni fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, billi jiżdiedu l-persuni li jieħdu l-vaċċin u tiżdied l-informazzjoni li tingħata sabiex tikber il-kunfidenza fost in-nies biex jitlaqqmu.

Bernard Grech qal li l-mezzi soċjali għandhom rwol importanti biex jingħelbu teoriji, miżinformazzjoni u biżgħat li jixxerdu fost in-nies li jistgħu iwasslu biex persuna ma tkunx kunfidenti li tieħu l-vaċċin għall-COVID-19.

Huwa fakkar li kien permezz tal-Unjoni Ewropea li kull stat membri irrispettivament mid-daqs u l-ekonomija tiegħu kellu l-istess aċċess għall-vaċċini, u faħħar l-inizjattiva li wasslet għall-ewwel kunsinni tal-vaċċin fl-Afrika li ddeskriva bħala simbolika u importanti lejn ir-responsabbilta’ u s-sigurta’ dinjija.

Takkumpanja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt dan is-summit kien hemm is-Segretarja Internazzjonali tal-PN Roselyn Borg Knight.