Lokali

Repubblika tipprotesta mal-PBS dwar nuqqas ta’ rappurtaġġ tal-protesta dwar Rosianne Cutajar

'Hu ċar li l-PBS qed jaġixxi bħala gatekeeper għall-Gvern'

L-organizzazzjoni Repubblika ipprotestat mal-PBS wara li naqas li jirrapporta il-protesta ta’ Repubblika l-Erbgħa fil-Belt Valletta fejn kienu qed jitolbu għar-riżenja ta’ Rosianne Cutajar.

Repubblika spjegat kif kienet bgħatet stqarrija lill-mezzi tax-xandir kollha, inkluz lil Television Malta bid-diskors sħiħ magħmul waqt il-protesta u ritratt tal-attività.

Dan minbarra li l-filmat kien faċilent disponibbli minn fuq Facebook.

Repubblika qalet li filwaqt li TVM sab ħin biex jirrapporta aħbarijiet oħra li kienu ripetuti u li kienu seħħew jiem qabel,  jew saħansitra ta’ affarijiet li għad iridu jseħħu, baqa’ ma rappurtax il-protesta tal-organizzazzjoni.

Fl-istqarrija, Repubblika qalet li il-Ħtiġiet dwar Standards u Prattika li Japplikaw għal Bulettini tal-Aħbarijiet u l-programmi tal-Ġrajjiet Kurrenti jitkellmu ċar dwar x’inhi aħbar u kif din għandha tkun ittrattata, u li protesta mis-soċjetà ċivili dwar materja ta’ kontroversja pubblika ma setgħetx tiġi injorata kif ġiet injorata mill-PBS.

Repubblika temmet tgħid li hu ċar li l-PBS qed jaġixxi bħala gatekeeper għall-Gvern u qed jagħżel in-news items biex jaġevola lill-Gvern., u talbet rimedju għan-nuqqas.