Coronavirus Lokali Saħħa

Titħabbar l-iżgħar vittma tal-Covid-19 f’pajjiżna

192 każ ġdid fl-aħħar 24 siegħa

Tħabbret il-mewt tal-iżgħar vittma tal-Covid-19 f’pajjiżna minn meta ingħatat bidu għall-firxa tal-pandemija fil-Gżejjer Maltin.

Dan wara li l-Ministeru tas-Saħħa ħabbar li tilfet ħajjitha mara ta’ 30 sena waqt li kienet rikoverata fl-Isptar St. Thomas. Ġie spjegat li l-mara ddaħħlet l-isptar mid-Dar tal-Providenza fit-18 ta’ Frar

Dan filwaqt li tilfet ħajjitha mara oħra, din id-darba ta’ 83 sena, waqt li kienet rikoverata l-Isptar Mater Dei kif ukoll raġel ta’ 67 sena li kien rikoverat fl-Isptar Monte Carmeli.

Dan ifisser li l-imwiet kawża tal-virus f’pajjiżna żdiedu għal 311.

Intant, huma 192 il-każi ġodda ta’ Covid-19 f’pajjiżna li ġew irreġistrati bejn l-Erbgħa u l-Ħamis.

Din iċ-ċifra ttella’ għal 21,724 n-numru totali ta’ persuni li ħadu l-virus f’Malta sa mill-bidu tal-firxa tal-pandemija fil-Gżejjer Maltin.

Fl-istess perjodu ta’ ħin fiequ 185 persuna biex issa huma 18,905 dawk il-persuni li fiequ.

B’hekk, il-każi attivi issa jammontaw għal 2,508.

Dan filwaqt li tul il-jum tal-Erbgħa ingħataw 2,783 vaċċin – b’total ta’ 22,501 jingħataw t-tieni doża – 734 tul il-jum tal-Erbgħa.