Internazzjonali

Tobba fir-Renju Unit anzjużi dwar il-rilaxx tar-restrizzjonijiet; fi Brescia jerġgħu jisplodu l-każi

Ħaddiema fil-qasam tas-saħħa fir-Renju Unit jinsabu anzjużi dwar il-pjan tal-Prim Ministru Boris Johnson għar-rilaxx tar-restrizzjonijiet li se jibda minn Marzu ‘l hemm.

Tobba u infermiera li ħadmu bla heda tul l-ewwel u t-tieni mewġa tal-pandermija issa qed ilestu ruħhom għal dik li qed isejħulha l-mewġa tal-kesħa b’referenza għaż-żieda  li qed jistennew f’każijiet ta’ persuni li jbatu minn kundizzjonijiet respiratorji marbuta mal-istaġun.

Il-ħaddiema qalu li din is-sena il-mewġa tal-kesħa waslet tard imma issa qed jaraw żieda qawwija ta’ persuni li qed jirrikorru għad-dipartiment tal-emerġenza.

It-tobba qalu li huwa propju issa li qed jesperjenzaw dawk li huma jsejjħu l-pressjoni tax-Xitwa, u sostnew li l-ġimgħat li ġejjin se jkunu ta’ sfida.

Minkejja li jinsabu ħerqana biex jirritornaw għan-normalità, ħaddiema f’dan il-qasam qalu li jinsabu xi fitit anzjużi wkoll dwar l-impatt li se jkollu r-rilaxx tar-restrizzjonijiet fuq in-numru ta’ każijiet.

Intant jerġgħu jisplodu ‘l fuq il-każi ta’ Covid-19 fi Brescia fl-Italja fejn minn 506 każi t-Tlieta, l-Erbgħa ġew irreġistrati xejn inqas minn 901 każ ġdid biex issa hija l-provinċja l-aktar milquta fil-Lombardia.

Fil-fatt f’din il-provinċja biss hemm terż tal-każi kollha ta’ dan ir-reġjun. Madankollu fuq skala nazzjonali, l-Italja qed tara tnaqqis fin-numru ta’ każijiet ta’ kuljum.