Lokali

TVM jinstab ħati wara li ma rrappurtax il-kawża li fetaħ Adrian Delia – PN

L-Awtorità tax-Xandir sabet lill-istazzjon nazzjonali TVM ħati ta’ nuqqas ta’ imparzjalità wara li l-Partit Nazzjonalista ressaq ilment dwar in-nuqqas ta’ TVM li jirraporta xhieda mogħtija fil-kawża li l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia beda fil-Qorti dwar il-bejgħ ta’ tliet sptartijiet pubbliċi.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech, spjega li fid-deċiżjoni tagħha l-Awtorità tax-Xandir tat raġun lill-Partit Nazzjonalista li x-xhieda li ta l-eks Prim Ministru Joseph Muscat fil-kawża li Dr Adrian Delia beda dwar il-bejgħ ta’ tliet sptarijiet pubbliċi lil Vitals kellha valur ta’ aħbar.

L-Awtorità tax-Xandir qablet ukoll mal-Partit Nazzjonalista li l-kawża nnifisha wkoll kienet kawża importanti u ta’ interess nazzjonali u għalhekk il-PBS naqas meta ma xandarx ix-xhieda li kien ta l-eks Prim Ministru
Joseph Muscat.

Il-Partit Nazzjonalista kien rappreżentat mis-Segretarju Generali Francis Zammit Dimech u mill-Avukat u Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina quddiem l-Awtorità tax-Xandir.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li x-xandir pubbliku m’għandux jibqa’ jintuża bħala għodda partiġġjana f’idejn il-Gvern ta’ Robert Abela. Fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni l-Partit Nazzjonalista jistenna li TVM jibda jirraporta b’mod konsistenti u imparzjali l-fatti skandaluża li ħerġin f’numru ta’ kawżi li qed jinstemgħu fil-Qrati ta’ pajjiżna dwar abbużi ta’ poter u korruzzjoni u li jinvolvu politiċi u uffiċjali għolja tal-Gvern Laburista.