Wara li l-Partit Nazzjonalista u l-Kap Bernard Grech tkellmu dwar kif min investa fil-pannelli qed jinsteraq għax qed iħallas ferm inqas, il-Gvern ma kellux triq ohra hlief li jirreagixxi.
Kien fis-7 ta’ Frar li għadda, meta il-Kap tal-PN Bernard Grech semma l-proposta li persuna li tbigħ l-enerġija ġġenerata minn pannelli jew sorsi oħrajn għandha titħallas l-istess prezz għal kull unit daqskemm l-Arms tbigħ il-units.
Bernard Grech qal li, anke f’dan is-settur, il-Partit immexxi minnu qed jissetja l-aġenda.
Ftit jiem wara, il-Kap tal-PN flimkien mal-kelliem tal-PN għall-Enerġija Ryan Callus, varaw il-proposti tal-PN għall-qasam tal-Enerġija bi pjan dwar investimenti kapitali kif ukoll miżuri fl-immedjat. Fosthom li tiġi indirizzata l-anomalija tal-feed-in tariff għal min investa fil-pannelli u li dawn ir-residenti jitħallsu bl-10c5 u mhux bis-7c5 kif qed iħallsu bħalissa.
Ġimgħa wara, il-Gvern spicca jirreaġixxi ….u f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbru skemi ġodda għal min jinvesti fil-pannelli u f’tagħmir tal-ħażna tal-enerġija bħal batteriji, il-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli ħabbret li l-persuni li għandhom il-pannelli u skadielhom il-kuntratt, issa se jiddaħħlu awtomatikament fl-iskemi li jħallsu bl-10c5 għall-20 sena li ġejjin. Min kellu kuntratt ta’ sitt snin se jkun kopert għal 14-il sena u minn kellu kuntratt ta’ 8 snin, dan se jkun kopert għal 12-il sena.
Kif semmiet il-Ministru Miriam Dalli stess, l-iktar kuntratti antiki imorru għall-2013, l-ewwel sena ta’ Gvern Laburista.
Iżda biex ma jurix li qed jirreaġixxi u qed jgħatti anomalija li ħoloq il-Gvern stess, il-media laburista qed tipprova tqarraq billi tagħti x’tifhem li l-kuntratti irranġati kienu fi żmien Gvern Nazzjonalista.
Dan mhux il-każ għax it-termini tal-feed-in tariffs fuq is-sit tar-regolatur tal-ilma u l-enerġija juru biċ-ċar li l-anomalija saru fi żmien Gvern Laburista.
Il-kwistjoni tat-tariffi tal-pannelli ma kienx l-uniku aspett tal-enerġija fejn il-Gvern qed jirreaġixxi għall-proposti tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt wara li l-Kap tal-PN Bernard Grech semma proposta favur investiment għal enerġija mit-turbini tar-riħ fil-baħar, il-Ħadd il-gazzetti irrapportaw li
l-Gvern issa biddel ir-rotta u qed ifittex fondi Ewropej biex jiffinanzja offshore wind farm.
//= $special ?>