Lokali

258 każ ġdid ta’ COVID-19 f’Malta

L-agħar ġimgħa ta' każi ġodda tal-pandemija f'Malta

Permezz ta’ post fuq Facebook, il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li fl-aħħar 24 siegħa pajjiżna rreġistra 258 każ ġdid ta’ COVID-19 filwaqt li fiequ mill-virus 182 persuna.

Il-każi mħabbra fl-aħħar sigħat huma rekord hekk kif mill-bidu tal-pandemija pajjiżna qatt ma rreġistra numri daqstant kbar. F’din il-51 ġimgħa tal-virus f’pajjiżna, s’issa mietu 12-il persuna u l-każi ġodda ammontaw għal 1,419.

Dan ifisser li b’mod uffiċjali, din hija l-agħar ġimgħa tal-pandemija f’Malta u f’Għawdex hekk kif issa inqabeż ukoll ir-rekord li kien intlaħaq wara żmien il-festi.

Fl-aħħar sigħat tilfu ħajjithom żewġ persuni oħra bil-Coronavirus biex b’hekk l-ammont totali ta’ dawk li sfaw vittmi issa jammonta għal 313. L-aħħar vittmi kienu mara ta’ 83 sena u raġel ta’ 76 li t-tnejn mietu fl-Isptar Mater Dei.

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar ukoll li fl-aħħar 24 siegħa ingħataw madwar 2,000 vaċċin, li nofshom kienu persuni li ħadu t-tieni doża.