Lokali

ANALIZI: 8 snin ta’ riżenji

8 snin ta’ Gvern Laburista; 8 snin ta’ riżenji bla waqfien

Bla dubju li l-iktar riżenji li jispikkaw f’dawn it-8 snin huma dawk li seħħew fil-Kabinett, kollha relatati ma skandlu wara ieħor; l-iskandli li dan il-Gvern Laburista sar sinonimu magħhom.

Tispikka, ir-rizenja ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru f’Diċembru tal-2019, wara snin twal ta’ skandlu wara ieħor taħt it-tmexxija tiegħu.

Ir-rizenja ta’ Konrad Mizzi minn Ministru tas-Saħħa u l-Enerġija biex imbgħad tpoġġa’ Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru fit-28 ta’ April, tal-2016 wara l-iskandlu tal-Panama Papers. Konrad Mizzi xorta spiċċa reġa’ irriżenja minn Ministru tat-Turiżmu fis-26 ta’ Novembru, 2019 f’nofs il-kriżi politka b’rabta mal-aħbarijiet xokkanti li bdew ħirġin dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Madanakollu, Mizzi xorta baqa’ Deputat Laburista sa ma ġie ivvutat barra fit-23 ta’ Ġunju tas-sena l-oħra.

F’nofs il-kriżi politka ta’ Novembru tal-2019, Chris Cardona, issospenda lilu nnifsu minn Ministru tal-Ekonomija u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista iżda reġa sab postu lura fl-1 ta’ Diċembru, 2019. Dan qabel ma rriżenja għal kollox minn Membru Parlamentari fit-30 ta’ April, 2020 qabel ma rriżenja minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista fis-17 ta’ Ġunju, 2020.

Iżda l-istejjer ma jieqfux hawn; Manwel Mallia – kien ġie mkeċċi minn Ministru għall-Intern fid-9 ta’ Diċembru, 2014 wara sparatura.

Michael Falzon ma baqax Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar fl-20 ta’ Jannar, 2016 wara l-iskandlu ta’ Gaffarena.

Aktar riċenti, Justyne Caruana rriżenjat minn Ministru għal Għawdex fl-20 ta’ Jannar, 2020 wara aħbarijiet xokkanti ta’ relazzjonjiet mill-qrib bejn ir-raġel tagħha, l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta u sid-17 Black Yorgen Fenech. Ftit inqas minn sena wara, Caruana reġgħet inħattret fil-Kabinett.

Kastilja għadha qed tafaċċja l-problemi wara l-akkużi serjissimi fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar – is-Segretarju Parlamentari li hi l-aħħar persuna li irrizenjat mill-kariga tagħha.

Ma kienx il-Kabinett biss li ra ħafna riżenji tul dawn l-aħħar 8 snin ta’ Gvern Laburista filfatt, mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat, irriżenja minn Chief of Staff l-ikbar ħabib tiegħu Keith Schembri fis-26 ta’ Novembru, 2019 wara li fil-lejl ta’ qabel Net News żvela laqgħa li saret fir-residenza tal-eks Prim Ministru. Schembri baqa’ membru fil-Partit Laburista sa Diċembru tal-2019.

Fi 8 snin tal-Labour fil-Gvern, il-Korp tal-Pulizija ra ammont kbir ta’ riżenji. Apparti 6 Kummissarji tal-Korp differenti, li numru minnhom irriżenjaw wara skandli kbar fil-pajjiż, irriżenjaw ukoll Silvio Valletta minn Assistent Kummissarju. Kif ukoll Ian Abdilla li tneħħa minn Kap tal-Economic Crimes Unit fl-2020, snin wara li deher li ma għamel xejn dwar l-iskandlu tal-Panama Papers.

Sinifikanti wkoll ir-rizenji tal-eks Avukat Ġenerali Peter Grech u aktar tard, il-Kap Ezekuttiv tal-MFSA Joseph Cuschieri.