Sport Waterpolo

Bidu pożittiv għal Exiles u Neptunes fil-bidu tal-Enemed Cup

Rapport: Stewart Said

OTTERS NIVEA………. 6

EXILES…………………. 13

(1-3), (1-3), (3-4), (1-3)

Exiles fetħu r-raba’ edizzjoni tal-Enemed Cup fuq nota pożittiva b’rebħa kif mistenni kontra Otters Nivea 13-6. Dan kien it-tieni debutt ta’ Aurelien Cousin bħala kowċ ta’ Exiles wara li fil-passat kien ukoll kowċ tat-tim. Il-Franċiż naturalizzat Malti rtira fi tmiem il-Kampjonat tas-Sajf li għadda.

Il-partita kellha direzzjoni waħda wara li Mark Fenech għamel l-iskor 2-1 favur Exiles. Gowls konsekuttivi ta’ David Fenech fl-ewwel sessjoni u Nicky Paris u Max Aquilina fit-tieni sessjoni, taw vantaġġ komdu ta’ 5-1. Minn dak il-ħin, l-aktar li Otters resqu viċin kien wara doppjetta taż-żagħżugħ Luke Gialanze fit-tieni sessjoni li għamlet l-iskor 8-4. Exiles kabbru l-vantaġġ fl-aħħar żewġ sessjonijiet b’gowls ta’ Nicky Paris, Jake Bajada, Simon Apap u doppjetta ta’ Sean Xerri de Caro.

Otters: M. Xerri, M. Lanzon (1), A. Dimech, L. Hyzler (1), E. Meli, L. Gialanze (3), K. Scicluna, G. Mizzi, D. Dimech, S. Xerri, M. Farrugia, O. Zammit, D. Spiteri, L. Dimech, Z. Bartolo (1)

Exiles: M. Castillo, J. Bajada (1), S. Apap (1), P. Paris, T. Sullivan, S. Xerri de Caro (2), M. Fenech (3), N. Paris (3), N. Saliba, M. Aquilina (1), D. Fenech (2), G. Borg

Referees: Peter Balzan, Ronnie Spiteri

NEPTUNES…………………………… 21

MARSAXLOKK BROWN’S……… 10

(6-3), (4-1), (5-3), (6-3)

Bidu pożittiv għat-tim żagħżugħ ta’ Neptunes. Huma ma kinux bl-aqwa formazzjoni tagħhom hekk kif il-captain Stevie Camilleri u Jake Muscat qed jilagħbu barra minn xtutna filwaqt li l-gowlkiper Alan Borg Cole u l-akkwist il-ġdid Michael Spiteri Staines ma kinux disponibbli. It-tim kien taħt it-tmexxija ta’ Nenad Navarin, bil-kowċ tat-tim Jovan Popovic mistenni jasal f’pajjiżna fil-jiem li ġejjin.

Marsaxlokk kellhom bidu negattiv, waħda mir-raġunijiet li wassal għar-riżultat finali. Jeremy Abela, Jordan Camilleri u doppjetta taż-żagħżugħ Alec Fenech taw vantaġġ bikri ta’ 4-0. Ix-Xlukkajri ttantaw jidħlu fil-logħba meta naqqsu d-distakk għal 6-3 iżda fit-tieni sessjoni, gowls minn Gabriel Pace u doppjetta ta’ James Spiteri Staines kabbru d-distakk għal sitt gowls. L-andament tal-logħba fit-tielet u l-aħħar sessjoni baqa’ l-istess, b’Neptunes jibqgħu jikkontrollaw mingħajr diffikultà.

Neptunes: S. Mifsud, J. Cachia, L. Calleja, G. Pace (2), S. Busuttil, J. Spiteri Staines (2), M. Zammit (1), J. Camilleri (5), J. Abela (4), B. Zammit, A. Fenech (3), M. Castillo (2), M. Farrugia, R. Galea, J. Muscat (2)

Marsaxlokk: B. Busuttil, M. Pace (1), S. Stellini (1), M. Martellacci, T. Agius (1), L. Saliba, J. Galea (2), K. Cremona, Z. Micallef (1), R. Scerri (2), M. Cacici, J. Portelli (1), F. Buhagiar, P. Caruana Turner (1), F. Cauchi

Referees: Massimo Angileri, Alex de Raffaele

Il-format ta’ din l-edizzjoni

Ir-raba’ edizzjoni ta’ din il-kompetizzjoni se tara bidla fil-format. B’kollox se jieħdu sehem għaxar timijiet b’sistema ta’ knock-out iżda fuq eliminazzjoni doppja. Dan ifisser li biex tim ikun eliminat mill-kompetizzjoni jrid jitlef żewġ logħbiet. It-timijiet li ma jkunux jistgħu jonoraw il-logħba minħabba l-Covid-19, ikunu meqjusa li tilfu l-logħba.

Enemed Cup

Għada: Birżebbuġa v Sliema 6.10pm