Internazzjonali

Covid-19: L-Unjoni Ewropea mħeġġa ddaħħal il-passaporti li jikkonfermaw it-tilqim kontra l-virus

Il-Greċja u l-Awstrija qed iħeġġu lill-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea biex jadottaw sistema għall-passaporti li juru li n-nies ikunu tlaqqmu kontra l-Covid-19, Dawn il-pajjiżi qed jinsistu li pass bħal dan kapaċi jistimola lill-industrija tat-turiżmu għall-Ewropa wara daqstant xhur ta’ kriżi.

L-idea għal dokument bħal dan (li x’aktarx jieħu forma ta’ ċertifikat) għandha tippermetti lin-nies li ngħataw it-tilqima biex jivvjaġġaw fejn iridu u mingħajr xkiel fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Din il-proposta tressqet waqt diskussjoni virtwali bejn il-Mexxejja tal-UE u meta uħud fost il-pajjiżi membri huma kontra l-introduzzjoni ta’ hekk-imsejjaħ vaccine passport.

Franza u l-Ġermanja qalu li dawn id-dokumenti jistgħu jkunu prematuri għaliex id-data dwar l-effiċjenza tal-vaċċini – li għandhom jevitaw li persuna tispiċċa carrier tal-virus jew tgħaddih lil ħaddieħor — għalissa, għadha mhix kompluta.

Hemm ukoll it-tħassib li sitwazzjoni fejn il-minoranza tan-nies li jitlaqqmu jitħallew isiefru barra pajjiżhom waqt li ‘jinżammu lura’ oħrajn, fosthom żgħażagħ, li ma jitqiesux bħala ‘priorità għal tilqima’ għandha tiżvolġi bħala waħda diskriminatorja.

Kumplikazzjoni oħra tinvolvi l-firxa tal-varjanti (tar-Renju Unit, il-Brażil u l-Afrika t’isfel) tal-Covid-19 li jinfettaw lin-nies aktar malajr — waqt li ħadd ma jeskludi l-possibbiltà li l-virus ikompli jinbidel (fi proċess ta’ mutation).

Għaldaqstant hu aktar probabbli li, fil-futur, in-nies ikollhom bżonn li jingħataw it-tilqim bħala ‘booster’ biex jibqgħu protetti mill-effetti tal-virus.

Il-Greċja, l-istess bħal Iżrael, diġà għandha ċ-ċertifikati diġitali għan-nies li jitlaqqmu kontra l-virus u l-Viċi-Prim Ministru Grieg, Akis Skertsos, qed jinsisti li ‘ċertifikat diġitali komuni bl-ebda mod ma jista’ jitqies bħala xi ħaġa diskriminatorja.

Dan meta pajjiżi bħall-Iżvezja u d-Danimarka ddiskutew l-introduzzjoni tal-istess tip ta’ ċertifikati diġitali.

It-turiżmu għall-Greċja, is-sena l-oħra, sofra daqqa ta’ ħarta kbira b’kaġun tal-pandemija – bid-dħul minn dan is-settur jinżel għal erba’ biljun ewro mit-18-il biljun ewro li l-pajjiż kien daħħal fl-2019.

Min-naħa tiegħu, il-Kanċillier tal-Awstrija, Sebastian Kurz, bagħat messaġġ li ‘pajjiżu qed jippromwovi Green Pass diġitali bħal ta’ Iżrael’ u fejn persuna, permezz tat-telefon ċellulari, kapaċi turi li tkun għamlet it-test u ħadet it-tilqima kontra l-Covid-19. L-iskop ta’ dan, qal Kurz, hu biex ‘l-Ewropa tevita aktar lockdowns u biex iċ-ċittadini Ewropej jerġgħu jkollhom il-libertà li jsiefru’.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, iżda, qalet li hemm bżonn perjodu ta’ tliet xhur għall-introduzzjoni ta’ sistema għall-ġbir tad-data li tintuża mal-fruntieri u bħala ‘aspett’ tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali. Intant, Merkel ammettiet li l-parti kbira tal-pajjiżi qablu li ‘ċertifikat diġitali li jikkonferma l-każi tat-tilqim kontra l-coronavirus jista’ ikun neċessarju għall-futur’.

Fil-preżent, xi pajjiżi tal-UE qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ tielet mewġa tal-Covid-19 fost it-tensjoni dwar ir-restrizzjonijiet unilaterali mal-fruntieri tal-Ewropa. Il-Ġermanja hi l-aħħar pajjiż li spiċċa suġġett għall-ilmenti speċifiċi mill-Kummissjoni Ewropea wara li imponiet il-kontrolli ġodda – sorveljati mill-pulizija – mal-fruntieri li jmissu mal-Awstrija u r-Repubblika Ċeka.

Sadanittant, il-Mexxejja tal-UE, waqt il-laqgħa virtwali, iddiskutew ukoll l-aħjar mezzi li jindirizzaw it-tħassib tal-Ewropej dwar ir-ritmu kajman tad-distribuzzjoni ( rollout) tal-vaċċini li kien mira għal kritika enormi fl-aħħar ġimgħat.

Il-Kummissjoni Ewropea kienet suġġetta għal kritika partikulari dwar l-istrateġija tagħha għall-kisba tal-vaċċini u meta l-istess Kummissjoni għadha tittama li li mas-70 fil-mija taċ-ċittadini adulti residenti fl-UE jilħqu jitlaqqmu sa nofs-Settembru. Jibqa’ il-fatt, iżda, li l-ammont tal-adulti fl-Ewropa li (għalissa) ngħataw it-tilqima kontra l-Covid-19 għadu taħt l-għaxra fil-mija.