Lokali

“Iktar minn qatt qabel pajjiżna għandu bżonn paġna ġdida” – Bernard Grech

L-aħbar ippubblikata llum minn Times of Malta hi xokkanti u tkompli tikkonferma kemm l-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għad baqalhom ħafna x’jistabbillixxu.” – Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech permezz ta’ post fuq Facebook fid-dawl tal-aħħar rapporti li dehru fil-konront ta’ Chris Cardona.

Bernard Grech qal li din l-aħbar “turina wkoll kemm hu rresponsabbli li Robert Abela jipprova jindaħal jew jirkeb fuq dawn l-investigazzjonijiet meta hu estenzjoni tal-Kabinett ta’ Joseph Muscat, li hu wkoll kien parti minnu.”

Il-Kap tal-PN saħaq li jekk dawn l-allegazzjonijiet (li Chris Cardona kien parti minn pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia fl-2015 u kien jaf li kienet se tiġi assassinata fl-2017) huma minnhom, “ikomplu jikkonfermaw l-kumdità u l-familjarità bejn il-Gvern Laburista u l-kriminalità organizzata.”

Bernard Grech kompla jgħid li dawn l-allegazzjonijiet ma jħallu ebda dubju li dak li pajjiżna jinsab fih illum hu tort ta’ dawk kollha li kienu parti minn dan il-Gvern u li ħallew li pajjiżna jinħataf minn min jinteressah biss mill-poter u l-flus, mhux mill-ġid komuni.

“L-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna mhux talli ma ħadmux imma talli kienu mmexxija minn min kien qrib il-kriminali li fixklu kemm felħu biex jipproteġu lilhom infushom.” saħaq il-Kap tal-PN.

Bernard Grech temm il-post tiegħu billi saħaq li l-episodji tal-aħħar jiem huma biss pass ieħor ‘il quddiem biex issir ġustizzja sħiħa f’dan il-każ. Dan il-każ jingħalaq meta ssir ġustizzja ma kull min kien involut fid-delitt u l-ostruzzjoni tal-ġustizzja jew fit-tentattivi ta’ cover-up.

“Iktar minn qatt qabel pajjiżna għandu bżonn paġna ġdida mill-aktar fis.” – Bernard Grech