Lokali

Il-UĦM iġġedded it-talba li għamlet lill-Prim Ministru

Il-Gvern ma tax lura lill-pazjenti l-appuntamenti li kienu tħassru b’riżultat tal-azzjonijiet industrijali ordnati fis-settur tas-saħħa mill-UĦM Voice of the Workers, minkejja li dawn kienu sospiżi temporanjament wara mandat t’inibizzjoni li l-Gvern għamel kontra l-union il-Ħamis filgħaxija.

Barra minn hekk l-emergency ambulance responders tħallew ma jagħmlu xejn minkejja li b’riżultat ta’ dan il-mandat, m’għadhomx fuq azzjoni industrijali. Il-UĦM tinsab informata li l-Gvern għal xi raġuni ħalla t-tagħmir tal-ambulanzi fil-vetturi tal-kuntrattur minkejja li għandu l-flotta u l-ħaddiema tiegħu stess disponibbli.

Dan l-aġir iqajjem mistoqsijiet fuq kemm verament il-gvern għandu għal qalbu il-pazjenti li jużaw is-servizzi tas-saħħa u l-ħaddiema infushom, minkejja l-ftaħir lill-frontliners li qed jiġġieldu kontra l-COVID-19.

Dawn l-azzjonijiet industrijali kienu ordnati wara li l-Gvern mar lura minn kelmtu u ma riedx jimplimenta ftehim bil-miktub milħuq mal-UĦM xhur ilu, u f’każ minnhom lanqas biss ried ipoġġi madwar mejda biex jibdew negozjati fuq ftehim kollettiv ġdid.

Il-UĦM iġġedded it-talba li għamlet lill-Prim Ministru biex jintervjeni f’din il-kwistjoni biex tkun solvuta fl-interess tal-partijiet kollha involuti. L-aġir tal-Gvern li qed jinħeba wara mandat t’inibizzjoni minflok ipoġġi madwar medja mal-union sabiex jinstabu soluzzjonijiet li jkunu tajbin għall-pazjenti kif ukoll għall-ħaddiema, jimmarka ġurnata kerha għad-djalogu soċjali.