Internazzjonali

In-Niġerja: Setgħu nħatfu l-mijiet tat-tfajliet tal-iskola


L-awtoritajiet fl-Istat ta’ Zamfara qed jibżgħu li nħatfu l-mijiet ta’ bniet minn skola u meta x’aktarx li l-ħtif hu dovut għall-gruppi tal-militanti f’dik iz-zona

Għalissa, ħadd ma jaf x’għadda minn xi 300 tifla wara li seħħ attakk speċifiku minn diversi rġiel armati. L-uffiċjali lokali konfermaw l-attakk iżda ma tawx wisq dettalji.Mhix l-ewwel darba li nħatfu t-tfajliet tal-iskola fin-Niġerja u meta l-gruppi armati ġieli jużaw lit-tfajliet għall-ħlas ta’ rahan.

L-aħħar ħtif jidher li seħħ meta grupp ta’ irġiel armati – uħud lebsin bħala membri tas-sigurtà tal-Gvern – waslu fl-inħawi tal-iskola sekondarja tal-bniet fil-belt ta’ Jangebe, fost rapporti ( mhumiex ikkonfermati) li ‘huma sfurzaw lill-bniet biex jidħlu fil-vetturi tagħhom.

Aktar tard saret tfittxija kbira għall-ibniet irrappurtati nieqsa, bl-għalliema f’dik l-iskola jikkonfermaw biss il-preżenza ta’ 55 minn fost l-421 student.

L-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal – UNICEF – esprimiet rabja u niket ‘dwar l-aħħar ħtif  brutali ta’ studenti (fin-Niġerja) li għandu jitqies bħala abbuż ċar tad-drittijiet tat-tfal’.