Internazzjonali

Ir-Russja: Destinazzjoni ‘mhix magħrufa’ għal Alexei Navalny

Alexei Navalny, il-Kap tal-Oppożizzjoni u avversarju qalil tal-President Russu Vladimir Putin, fl-aħħar sigħat spiċċa trasferit mill-ħabs ta’ Moska fejn kien qed jinżamm lejn destinazzjoni li baqgħet mhix magħrufa.

It-trasferiment sar mingħajr l-ebda notifika lis-sostenituri ta’ Navalny, bis-sorsi fil-pajjiż ‘ma jeskludux’ li l-Kap tal-Oppożizzjoni seta spiċċa f’xi kamp ta’ priġunerija.

Aktar kmieni fix-xahar, qorti f’Moska deċidiet li sentenza sospiża fil-konfront ta’ Navalny (li kienet ingħatat għal allegata frodi) kellha tinbidel f’terminu ta’ ħabs. Dan minkejja sinjali ċari li s-sentenza ta’ kundanna oriġinali kienet motivata minn sens politiku.

Navalny, is-sajf li għadda, kien spiċċa ivvelenat b’sustanza kimika qabel kellu jaqbad titjira fis-Siberja – b’investigazzjoni indipendenti tiddikjara li hu kien il-mira għal ‘assassini involuti mal-aġenti tas-sigurtà Russi’. Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien ittieħed b’urġenza fil-Ġermanja fejn irkupra mill-effetti tal-attakk – iżda f’Jannar hu spiċċa arrestat malli rritorna fir-Russja.