Coronavirus Lokali Saħħa

“Irridu nevitaw kollass fis-sistema tas-saħħa” – PN

“Irridu nevitaw kollass totali fis-sistema tas-saħħa, dan sabiex ikunu protetti l-vulnerabbli, l-anzjani kif ukoll il-front liners”.

Kien dan il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mid-Deputati Stephen Spiteri u Claudette Buttigieg.

Il-kelliem għas-Saħħa Stephen Spiteri qal li l-PN iħossu responsabbii dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-COVID f’pajjiżna anke fid-dawl tal-istqarrija iebsa li ħarġet il-MAM dwar dak li qed iseħħ fl-Isptar Mater Dei.

Huwa qal li ż-żieda fil-firxa ta’ dan il-virus tista’ żżid il-mortalità kif ukoll il-long term effects li qed iħalli. Dan kollu qed iwassal għal pressjoni fuq l-isptarjiet u fuq il-ħaddiema tas-saħħa…. tobba mhux ilaħħqu mal-pazjenti u l-pressjoni fuq is-swali tal-ITU…. b’impatt negattiv fuq il-persuni. Apparti dan hemm bżonn  li jkun hemm iktar restrizzjonijiet fl-ajruport u l-portijiet ta’ pajjiżna.

Stephen Spiteri saħaq ukoll li hemm bżonn ta’ iktar kontroll fis-sistema tal-contact tracing u iktar sigurtà u infurzar fl-iskejjel kif ukoll fil-fabbriki u fuq il-postijiet tax-xogħol.

Filwaqt li l-Oppożizzjoni tirrikonoxxi l-ħidma li qed issir fir-roll out tal-vaccin, hemm ukoll nuqqas ta’ ippjanar fil-mod kif dan qed jingħata.

Il-covid action team tal-PN għaddej b’ħidma konkreta b’laqgħat mal-esperti f’dan is-settur, fejn fost il-proposti li qed iressaq hemm li t-tobba tal-familja jkunu jistgħu jagħtu l-vaċċin – proposta li ntlaqet b’mod tajjeb mill-Gvern.

Min-naħa tagħha l-Kelliem għall-Politika Soċjali Claudette Buttigieg saħqet li n-nies jinsabu mħassba dwar is-sitwazzjoni preżenti, iżda sfortunatmanet din il-karba tan-nies mhux dejjem qed tasal… fejn għandna Gvern li huwa responsabbli fid-deċiżjonijet li qed jaffetwaw lil kulħadd.

Hija qalet li l-messaġġi kunflingneti li twasslu min-naħa tal-Prim Ministru wasslu biex is-sagrificcji li saru spiccaw irmied u wasalna fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum.

Claudette Buttigieg qalet li fid-dawl ta’ dan kollu hemm bżonn li tinħoloq stabbiltà ekonomika u n-nies ikollhom serħan il-moħħ. Dan jista’ jsir biss jekk il-Gvern ikun trasparenti u jgħid il-verità kollha fuq is-sitwazzjoni tal-pandemija f’pajjiżna.