Lokali

“Irridu nqajjmu kuxjenza akbar biex tiżdied l-inklużjoni u noħorġu iktar il-potenzjal tal-persuni b’diżabbilta'” – PN

Il-PN ħerqan li jtejjeb l-kwalita' tal-ħajja tal-persuni b'diżabbilta' f'pajjiżna

“Irridu nqajjmu aktar kuxjenza fis-soċjeta’ tagħna dwar il-persuni b’diżabbilta’, dwar id-drittijiet tagħhom, il-ħtiġijiet tagħhom u l-potenzjal tagħhom,” hekk qal il-Viċi Kap tal-PN u kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja David Agius meta indirizza l-webinar Disability & Employment.

David Agius qal li bħala pajjiż, irridu nsawru l-futur tax-xogħol f’ambjent iktar inklussiv għall-persuni b’diżabbiltajiet differenti. Il-persuni b’diżabbilta’ għandhom id-dritt għal ħajja dinjituża iżda madankollu, minkejja li ninsabu fl-2021 għadhom qegħdin jaffaċċjaw diskriminazzjoni u ostakli oħrajn biex jipparteċipaw b’mod sħiħa u ugwali fil-ħajja soċjali,
ekonomika, politika u kulturali ta’ pajjiżna. Huwa qal għalhekk irridu niżguraw li s-sistema edukattiva tagħna tirrifletti l-prinċipju ta’ parteċipazzjoni sħiħa u ugwali għal kulħadd bla distinsjoni, b’riżorsi disponibbli għat-tfal u l-istudenti b’diżabbilta’ fl-ewwel snin ta’ ħajjithom,
u matul is-snin tal-iskola.

David Agius qal li biex inżidu l-opportunitajiet tal-impjieg għall-persuni b’diżabbilta’ rridu nħeġġu lis-settur pubbliku u privat biex jinkludu kwistjonijiet li jikkonċernaw id-diżabbilta’ u jinfurzaw il-liġijiet fis-seħħ, bħalma hija l-kwota ta’ 2% fuq dawk li jimpjegaw aktar minn 20 impjegat.

Il-Viċi Kap tal-PN David Agius qal li l-inaċċessibbiltà għall-ambjent fiżiku,
għall-informazzjoni, għall-ġustizzja u s-servizzi hija tħassib ieħor, li tfixkel il-parteċipazzjoni ġusta u ugwali fis-soċjeta’. L-organizzazzjonijiet ta’ persuni b’diżabbilta’ m’għandhomx ikunu biss korpi konsultattivi jew partijiet interessati ewlenin iżda parteċipanti attivi fid-deċiżjoni u fil-proċess tat-tfassil tal-politika, bil-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbilta’ (CRPD) jkollha rwol iktar attiv, b’iktar awtonomija, b’baġit ikbar u li tkun responsabbli quddiem il-Parlament u mhux iktar lejn il-Gvern tal-ġurnata.

David Agius qal li bħala membru tal-Parlament li jsegwi s-settur tal-persuni b’diżabbiltà u t-tfal, fost l-oħrajn, se jibqa’ jagħmel ħiltu biex inżomm ruħu aġġornat mal-pjanijiet u l-istrateġiji f’dan il-qasam u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista kollu insabu impenjati u ħerqana li jinfluwenzaw fil-pożittiv u jipproponu mod ‘il quddiem li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-għixien indipendenti tal-persuni b’diżabilita’ f’pajjiżna.