Coronavirus Lokali

Jgħidulu biex joħroġ mill-iżolazzjoni minkejja li għadu pożittiv

Wara 14-il jum pożittiv għall-COVID-19, taf jew ma tafx intix negattiv, wieħed hu liberu li joħroġ mill-iżolazzjoni. Iżda għadd ta’ persuni li tkelmu ma’ Net News spjegaw kif mhux dejjem ikun il-każ li wara dan il-perjodu ta’ żmien toħroġ negattiv.

Fil-fatt, persuna li tkelmet magħna u li xtaqet li tibqa’ anonima, qalet li kemm hi u kemm żewġha ħarġu pożittivi fil-11 ta’ Frar, bl-awtoritajiet tas-saħħa jgħidulhom li wara 14-il jum jistgħu joħorġu mingħajr ma jsir swab test ieħor.

Madanakollu, il-koppja ddeċidiet li xorta waħda tagħmel swab test anke minkejja li kienu qed iħossuhom f’saħħithom.

“Jiena u r-raġel iddeċidejna li xorta waħda nagħmluhom għaliex l-ewwel nett jien ma nixtieqx ninfetta lil ħaddieħor,” qalet din il-persuna. “Dan mhux għalija nnifsi għaliex jien pożittiva jew negattiva għall-virus, xorta f’saħħti qed inħossni. Fil-verità nista’ noħroġ kieku rrid.”

Minn dan it-test li sar irriżulta li r-raġel fil-fatt kien baqa’ pożittiv minkejja li għaddew l-14-il jum.

“Ċempilt fuq in-numru 111 u għidtilhom l-istorja kif żviluppa kollox,” qalet l-istess persuna. “Wara irċivejna email li tgħid li qabel kull persuna li tgħix f’din id-dar joħroġ negattiv ma nistgħux noħorġu. Jiġifieri l-ewwel qalulna li nistgħu noħorġu wara 14-il jum mingħajr ma nagħmlu test u issa qed jgħidulna li bilfors irridu nkunu negattivi.”

Din il-mara irrimarkat li l-pariri li qed jingħataw in-nies ivarjaw minn persuna għall-oħra.

“Il-mummy tiegħi ħarġet pożittiva. Lejliet li ħarġet pożittiva marret għand iz-zija tiegħi, li għandha fuq is-60 sena, u għamlu mill-inqas nofs siegħa jieħdu bela’ kafe flimkien,” qalet il-persuna magħna. “Iz-zija tiegħi ċemplet fuq in-numru 111 u qalulha li m’għandix għalfejn tagħmel it-test. Wara ddeċidejt li nċempel jien u għidtilhom bl-istorja ta’ ommi u z-zija tiegħi u qaluli li importanti li tagħmel test la darba għamlet iktar minn 10 minuti flimkien u mingħajr maskra. Persuna differenti qalet affarijiet differenti minn oħra. Ma tistax toqgħod fuqhom għax mhumiex informati biżżejjed.”

L-istess persuna esprimiet ir-rabja tagħha għal dan kollu hekk kif il-każijiet f’pajjiżna għadhom pjuttost għoljin.

“Liem hi t-tajba; nistgħu noħorġu wara 14-il jum irrelevanti jekk ġejtx negattiv, jew trid tkun negattiv biex toħroġ?”