Internazzjonali

L-ewwel azzjoni militari ta’ Joe Biden: Attakkati l-milizji fis-Sirja li qed jingħataw appoġġ mill-Iran

Il-militar tal-Istati Uniti, fl-aħħar sigħata, wettaq attakk mill-ajru fuq il-gruppi tal-milizji fis-Sirja li qed jingħataw l-appoġġ mill-Iran. L-azzjoni, intant, hi partikularment sinifikanti bħala l-ewwel waħda fuq livell militari mill-amministrazzjoni tal-President Amerikan ġdid, Joe Biden.

Il-Pentagon f’Washington qal li l-attakk seħħ bi tweġiba għall-aggressjoni kontinwa fil-konfront tas-suldati Amerikani u l-membri tal-koalizzjoni multinazzjonali fl-Iraq — u meta l-milizji inkwistjoni kemm-il darba instigaw l-attakki.

Intant, il-qawwiet tal-ajru Amerikani, issa, qerdu ‘numru ta’ faċilitajiet tal-militanti Iraqqin li qed jingħataw l-armi u għajnuna oħra mingħand ir-reġim Iżlamiku f’Tehran’. Filwaqt li ma ssemmiex l-ammont ta’ vittmi potenzjali, l-indikazzjonijiet huma li nqatlu numru ta’ milizji f’din l-azzjoni.

L-awtoritajiet Amerikani, wara, qalu li l-attakk fuq il-miliziji fiz-zoni lejn il-lvant tas-Sirja (u viċin il-fruntiera mal-Iraq) – kien ‘reazzjoni militari proporzjonali’ wara numru ta’ attakki fuq l-interessi tal-Istati Uniti. Ingħad ukoll li l-attakk fuq il-milizji sar ukoll wara li ttieħdu ‘il-miżuri diplomatiċi’, fosthom konsultazzjonijiet mas-sieħba ta’ Washington fil-koalizzjoni.

Ftit ġimgħat ilu, kuntrattur ċivili nqatel waqt attakk bil-missili fuq il-miri tal-Istati Uniti fl-Iraq waqt li numru ta’ kuntratturi oħra ndarbu meta – f’attakk ieħor—diversi missili laqtu s-siti f’Irbil, fosthom bażi li qed tintuża mill-koalizzjoni taħt tmexxija Amerikana.

Il-bażijiet tal-Amerikani f’Bagdad ukoll intlaqtu mill-missili – b’dawn jinkludu z-Zona l-Ħadra fil-kapitali tal-Iraq li tinkoropa fiha l-ambaxxata tal-Istati Uniti flimkien ma’ missjonijiet diplomatiċi oħra.

Fil-preżent hemm mal-2,500 truppi Amerikani fl-Iraq biex jgħinu lill-qawwiet Iraqqin fil-ġlieda kontra t-terroristi tal-ISIS.