Lokali

Rapporti jimplikaw lil Chris Cardona f’komplott biex tinqatel Daphne Caruana Galizia

Fl-aħħar sigħat rapporti qalu li l-eks Deputat Mexxej Laburista u Ministru fil-Gvern tal-Labour, Chris Cardona, allegatament kien implikat fi pjan biex tinqatel il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia lura fl-2015.

L-eks Ministru tal-Ekonomija qed jiċħad dawn id-dettalji li jidher li qed joħorġu minn Vince Muscat ‘il-Koħħu’ li fl-aħħar jiem ingħata l-Maħfra Presidenzjali u tefa’ dawl ġdid fuq l-investigazzjonijiet b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ir-rapport li deher fit-Times of Malta jitkellem dwar allegat pjan ta’ qtil li kellu jsir fl-2015, li iżda għal xi raġuni waqaf u għalhekk, dak iż-żmien, l-assassinju ma kienx sar.

‘Il-Koħħu’ allegatament qal lill-pulizija li Cardona kien avviċina lill-aħwa Degiorgio u ried itihom €150,000 b’depositu ta’ €50,000 biex joqtlu lill-ġurnalista. Madanakollu hu jgħid li l-flus qatt ma għaddew minn għand l-eks Deputat Laburista għal għand l-aħwa u għalhekk ma kienux komplew bil-pjan li kellhom.

Jidher illi din l-informazzjoni tal-involviment ta’ Cardona waslet għand ‘Il-Koħħu’ minn għand l-aħwa Degiorgio li huma akkużati wkoll fil-pjan biex inqatlet Daphne Caruana Galizia fl-2017.

Vince Muscat qal ukoll li fl-2015, flimkien ma’ Geroge Degiorgio, kien qatta’ numru ta’ ġranet jistudja iż-żona fil-Bidnija fejn kienet tgħix Daphne Caruana Galizia. Abbażi ta’ informazzjoni li ‘il-Koħħu’ ingħata minn Alfred Degiorgio, jidher li Chris Cardona kien jaf ukoll bil-pjan tal-assassinju li sar fl-2017, fejn saħaq li Degiorgio u Cardona tkellmu dwar x’kienet tagħmel u fejn kienet tmur matul il-ġurnata l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.