Sport Sport Ieħor

RMYC torganizza t-tieni tellieqa tas-Spring Coastal Series

(RMYC/Maria Vella-Galea)

Ir-Royal Malta Yacht Club organizzat t-tieni tellieqa tas-Spring Coastal Series il-Ħadd filgħodu. Flotta mdaqqsa telqet mill-Port ta’ Marsamxett fuq korsa ta’ madwar 20 mil nawtiku li ħadithom lejn in-nofsinhar ta’ Malta fid-direzzjoni ta’ Bengħajsa. Il-kundizzjonijiet tat-temp kienu kważi perfetti bi ftit imbatt u riħ li jvarja bejn Forza 3 u Forza 4 mix-Xlokk.

L-ewwel jott li ħareġ mill-bokka tal-port kien Comanche Raider III ta’Ramon Sant Hill. Hu ħa postu fuq quddiem mill-bidu nett. Qrib warajh kien hemm il-jott Inspiration ta ’Godwin Zammit, Time Out ta’ Mario Sant u Jarhead tal-Jarhead Young Sailors Foundation misjuq minn Emilie Gregory. Comanche Raider III żamm il-vantaġġ biex spiċċa l-ewwel, segwit minn Jarhead u Manana ta’ Peter Ellul Vincenti. Bis-sistema ta’ handicap IRC tidħol fis-seħħ, kien Jarhead, li ħa l-unuri għall-ġurnata.

“It-tellieqa kienet divertenti ħafna u kellna kundizzjonijiet mill-aqwa. Li jkollok tant dgħajjes jikkompetu kien meraviljuż. Kellna tim ta’ abbiltajiet imħalltin b’żewġ prinċipjanti u sitt baħrin ta’ esperjenza. Ħdimna ħafna biex inżommu ma’ Comanche Raider, li hi xi ħaġa sodisfaċenti meta wieħed iqis id-differenza fid-daqs. It-tim kollu ħadem tajjeb flimkien. Kienet ġurnata tajba u issa ħerqana għat-tlielaq li jmiss” stqarret Emilie Gregory.

Jingħaqdu ma’ Jarhead fl-ewwel postijiet tal-klassifika proviżorja kienu żewġ J92s. It-tieni post mar għand Jlance, immexxi minn Kristian Borg Nicolas, filwaqt li fit-tielet post ġie Alecto ta ’Charles Cronin.

L-Uffiċjal tat-Tellieqa Peter Dimech esprima s-sodisfazzjon tiegħu dwar il-livell ta’ parteċipazzjoni, u rringrazzja lill-voluntiera Simon Dimech u Edgar Warrington tal-appoġġ tagħhom.

It-tellieqa li jmiss se tkun korsa qasira u hija skedata li ssir nhar il-Ħadd 7 ta’ Marzu fil-ħdax ta’ filgħodu.