Futbol Sport

Tarxien jakkwistaw tliet punti kruċjali fl-aħħar mumenti

(Ritratt: MFA/Domenic Aquilina)

Matthias Mizzi

Gudja United……………0

Tarxien Rainbows……..2

Gudja United: G.Zammit, T. Vella (69’ E. Silva), L.Cremona, G. Mensah (78’ V. Conceicao), F. Pankatican, I. Gonzalez (78’ J. Farrugia), J. Brincat (60’ A. Friggieri), A. Micallef, H. Vella, J. Bolanos, J. Grioli

Tarxien Rainbows: D. Fernandes, C. Conceicao, E. Zarate, D. Falzon, V. Plut, J. Debono, E. Rosado, E, Paz, K. Gatt, M. Tabone, R. Kooh Sohna

Imwissija: GUD: ’34 J. Grioli, 41’ G. Mensah TRN: 60’ E. Rosado, 83’ C. Conceicao

Skorjaw:  89’ C. Conceicao, 90’+3 (PEN) V. Plut

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Roberto Vella & Mark Ciantar

Raba’ Uffiċjal:  Stefan Pace

BOV Plejer tal-Logħba: Daniel Fernandes (Tarxien Rainbows)

F’konfront interessanti bejn żewġ timijiet min-naħa t’isfel tal-klassifika, Tarxien Rainbows akkwistaw tliet punti importanti fl-aħħar mumenti tal-partita. Din ir-rebħa tpoġġi lill-istess tim b’tama li jinqalgħu miż-żona l-ħamra.

Qabel dan il-konfront, Gudja kienu ġejjin minn serje ta’ partiti negattivi bil-fortuna lanqas ma tkun fuq in-naħa tagħhom. It-trasferiment tal-attakkant prolifiku Yuri Messias sarraf ukoll f’nixfa ta’ gowls għall-istess tim.

Minkejja li fl-ewwel taqsima, l-iskor kien għadu mhux miftuħ, it-tim immexxi minn Steve D’Amato kien aktar perikoluż. L-iktar darba li marru qrib kienu Tarxien b’daqqa ta’ ras ta’ Vito Plut fejn laqat il-mimduda man-nofs siegħa logħob. F’tentattiv ieħor Kooh Sohna kien għal darb’oħra viċin iżda l-gowlkeeper Glenn Zammit kien strumentali.

It-tieni taqsima bdiet bl-istess ritmu bilanċjat b’Gudja jipprovaw ikunu aktar perikolużi u determinanti fl-attakk. Minkejja t-tentattivi perikolużi tagħhom permezz tal-kontrattakk, Tarxien għarfu jintefgħu aktar fuq wara jistennew lill-avversarji. Bl-għan li jakkwistaw il-gowl tar-rebħa, il-kowċ ta’ Gudja, Jesmond Zammit dawwar l-attakk kollu bis-sostituzzjonijiet tattiċi li għamel. Dan serva wkoll ta’ detriment għad-difiża ta’ Tarxien immexxija tajjeb mill-goalkeeper Fernandes kien strumentali bejn il-lasti.

L-aħħar mumenti tal-partita kienu emozzjonanti ħafna għat-Tarxieniżi fejn huma rnexxilhom jiskorjaw darbtejn permezz ta’ Carlos Conceicao u ta’ Vito Plut minn penalty rispettivament.