Futbol Sport

Tispikka Ħamrun kontra Gżira fit-22 ġurnata mill-Kampjonat BOV Premier

It-22 ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier tara lil-leaders Ħamrun jiltaqgħu kontra it-tim fit-tielet post Gżira United. Iż-żewġ timijiet jinsabu għaddejin f’forma mill-aqwa b’Ħamrun isofru biss telfa waħda sa issa fil-kampjonat Malti. Min-naħa l-oħra Gżira se jkunu qegħdin iħarsu li jagħmluwhom erba’ rebħiet konsekuttivi wara r-rabħa faġli kellhom fl-aħħar ħarġa tagħhom kontra Żejtun. Ħamrun se jkunu qegħdin ifittxu li jiksbu tliet punti importanti fit-taqtigħa tagħhom għar-rebħ tal-kampjonat hekk kif fl-aħħar dehra tagħhom tħabtu mhux ftit biex għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 3-2.

Partita oħra li tispikka hija dik bejn Birkirkara u Floriana bejn żewġ timijiet li kisbu diversi suċċessi fil-futbol Malti. Birkirkara se jkunu qegħdin iħarsu li jirritornaw għar-rebħ wara id-draw li kellhom kontra Sliema Wanderers, bi tliet punti jkunu imperattivi fil-glieda tagħhom li jiksbu post fl-Ewropa. Min-naħa l-oħra Floriana, se jfittxu li jkomplu jibnu fuq iż-żewġ riżultati li kisbu fl-aħħar żewġ partiti kontra Gudja u Senglea, fejn se jfittxu li jkomplu jsaħħu posthom f’nofs il-klassifika u jitbiegħdu miż-żona relegazzjoni.

Min-naħa l-oħra Hibernians se jaffontaw lil Żejtun wara li dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu aktar kmieni din il-ġimgħa fl-FA Trophy, fejn HIbernians ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0. Hibernians se jfittxu li jiksbu it-tliet punti kontra Żejtun li min-naħa tagħhom jinsabu għaddejin minn mument diffiċli hekk kif diversi plejers għadhom qegħdin jirritornaw mill-perjodu ta’ kwarantina obligatorja.

Fl-aħħar partita tal-ġimgħa, fin-National Stadium, Valletta jiltaqgħu kontra it-tim li jinsab fl-aħħar posizzjoni Senglea. Għal Valletta xejn inqas minn tliet punti ma jkun biżejjed minn din il-logħba sabiex jkomplu tilgħajn ‘il fuq fil-klassifika wara l-perjodu negattiv li kienu għaddejin minnu. Min-naħa l-oħra Senglea ftit li xejn fadlilhom tama li jsalvaw posthom fil-Kampjonat BOV Premier.

Għada: Centenary Stadium: Gudja v Tarxien 5.00pm, Sirens v Lija 9.00pm, Is-Sibt: National Stadium; Birkirkara v Floriana 2.00pm, Gżira v Ħamrun 6.00pm, Hibernians Stadium; Santa Lucia v Mosta 2.00pm, Hibernians v Żetjun 6.00pm, Il-Ħadd: National Stadium; Balzan v Sliema 2.00pm, Senglea v Valletta 6.00pm.