Lokali Qorti

Konsulent tal-Emerġenza jispjega l-frakass sab f’double-decker li ħabtet ma’ siġra u mietu tnejn

Frakass sħiħ, paniku kbir, storbju, biki, għajjat u dmija. Kważi tliet snin ilu 32 persuna spiċċaw feruti u ttieħdu l-isptar Materi Dei minbarra li mietu mara u raġel u oħrajn kienu qed jiġu trattati fuq il-post. Dmija ma’ kullimkien u ħġieġ kienu fis-sular ta’ fuq u minkejja li fl-ewwel pjan kien hemm min weġġa’ l-akbar problemi kienu fis-sulrar ta’ fuq.

Kienu 22 adult u 10 t’itfal li ttieħdu l-isptar Mater Dei, wħud weġġgħu gravi. Dan kollu seħħ meta ‘double-decker’ laqtet siġra fiż-Żurrieq. It-tims mediċi ħadmu bla heda u rnexxielhom li fi żmien siegħa l-operazzjoni kienet konkluża.

Dak inhar tal-inċident meta l-ambullanza kienet fi triqitha lejn il-post tal-inċident bdew jisimigħu fuq ir-radju li kien inċident serju bin-nies mejtin u midrubin. Dan kien klassifikat bħala inċident maġġur.

Kellhom imorru aktar minn tim wieħed mill-Isptar Mater Dei u miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid u oħrajn li marru lejn iż-Żurrieq biex jagħtu s-sehem tagħhom fl-inċident. Kellhom jorganiżżaw kollox fosthom biex ineħħu lin-nies minn fuq il-post u jaraw li jkun hemm l-ordni.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Konsulent tal-Emerġenza Jonathan Joslin fejn ħames persuni qegħdin jiġu mixlija bil-qtil involontarju ta’ raġel u mara, Belġjan ta’ 62 sena u Spanjola ta’ 37 sena.

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud komplew il-proċeduri kontra is-sewwieq Charles D’Amato ta’ 27 sena minn Ħal Qormi, u erba’ Diretturi li kienu jimpjegawh, l-aħwa, Lee Ann Borg 37 sena, residenti l-Mellieħa, Kim Degabriele ta’ 40 sena, Noel Degabriele ta’ 24 u Philip Degabriele 32 sena, kollha residenti Ħal Luqa, li jiġġestixxu l-kumpanija City Sightseeing Malta Limited.

L-ewwel xena li ra kienu niesu jibku u jgħajjtu u konfużjoni sħiħa. Kif daħal induna li kien hemm problema kbira fuq. Il-ħġieġ tad-double-decker fuq in-naħa tal-lemin ħafna ħġieġ u demm. Allura kellu jneħħi n-nies li kienu isfel. Min kien isfel ma kienx hemm nies midrubin ħafna, u allura talab biex jikklerjaw.

Bdew ipoġġu nies f’post sigur madwar 50 metru l-bogħod mill-vettura. Qal li tela’ t-taraġ u mid-daqqa t’għajn induna li kien hemm tifel ta’ sitt snin li kellu l-fits u beda jbati biex jieħu n-nifs. Niżluh mill-ewwel u ttieħed l-isptar. Kellu miultiple fractures fl-iskutella ta’ rasu.

Wara mexa minn quddiem sa wara u kif kien se jerġa; jdur ra li dawk li kellhom ftit ġrieħi jew xejn, joħorġu. Hemm induna li kien hemm tnejn minn nies ma jistgħux jiċċaqqalqu. Kien hemm mara iżomm id raġel li kien miet b’emoroġija. Il-mara tiegħu kienet emozzjonata u qalilha li huwa mejjet u niżżluha mill-vettura.

Hemm talab għal psikoloġi għax kien hemm min kellu bżonn l-għajnuna. Raha l-mara mejta li kellha feriti gravi u ma kellhiex tal-familja magħha. Huwa nnota wkoll raġel paraliżżat u ma setax jaħmel moviment minn sidru l-isfel. Lanqas kien qed jitkellem, kellu miegħu l-mara u t-tfal, kienu ħamsa b’kollox.

Qal li reġa’ niżel u hemm raha t-tifel ieħor li kellu tmien snin li jiġi ħu t-tifel ta’ sitt snin li spiċċa fit-Taqsima tal-Kura Intensiva imma fortunatament rkupra wara 24 siegħa. Ir-raġel li ma bediex jiċċaqqlaq kellu problemi fl-ispina.

Inġieb sellum mingħand il-Protezzjoni Ċivili u tpoġġa fuq stretcher u ttieħed l-emerġenza. Kien paraliżżat sew u kien spiċċa operat b’urġenza minħabba l-problemi li kellu fl-għadam. Kien hemm raġel ieħor li ma kienx f’sensih sew u deher li kien qed ibati.

Dan qallu li seta’ jqum u niżluh it-taraġ tad-double-decker. Kellu problemi fl-iskutella ta’ rasu u bħal emoroġija u d-demm iġġammja u kellu jiġi operat. Kien hemm mara ta’ 26 sena li kienet wara l-Belġjan li miet, li kellha ġrieħi gravi f’wiċċha u widnejha. Kien hemm familja ta’ erba’ li kellhom fratturi fl-ispalla u l-idejn kif ukoll il-pulmun.

Wara xehed l-Assistent Sandro Gatt qal li x-xena ma tantx kienitx pjaċevoli. Raha mara bla ħajja u raġel bla driegħ li deher mejjet ukoll. Qal li fl-investigazzjoni per se qatt ma daħal. Kemm raha li kollox qed isir kif suppost. Ma ħax stqarrijiet tal-imputati u kif waslu biex ikunu akkużati il-persuni.

Xehed ukoll is-Suprendent Josric Mifsud li qal li mar jassisti fuq il-post fejn it-tabib Joslin kien qallu li kienu mietu xi persuni. Huwa kien għen biex tiġi kklerjati l-area.

Xehed ukoll l-Isptar Malcolm Sammut li qal kien kellem lill-Ispettur Antoine Cilia li kien fil-post u li nfetaħ l-aċċess għall-ambullanzi. Wara xehed l-Ispettur Pierguido Saliba li kien jaħdem mas-sezzjoni tat-Traffiku u organiżżaw kollox biex jagħlqu l-aċċess għat-traffiku.

L-inċident kien seħħ fid-9 ta’ April tal-2018 fejn il-karozza tat-turisti kien laqtet zokk ta’ siġra fejn kienu mietu Elisaveta Danielova Avdala u Koenraad Richard B De Vrieze.

Il-ħames akkużati qegħdin jiġu mixlija wkoll li kkaġunaw feriti gravi fuq it-turisti Carla Castillo, Simon Morrison, Suzanne Handerson, Michael Handerson, Robert Butt, Karam Raj Singh, Raydeep Singh u Angela Gashstatter.

Qed jiġu akkużati wkoll li kkaġunaw feriti ħfief fuq 13-il turist u li kkaġunaw ħsara fuq id-double-decker. D’Amato waħdu qed ikun mixli fuq sewqan perikoluż u traskurat u li ma kienx f’pożizzjoni li jsuq minħabba xorb jew droga u talli naqas li jissalvagwardja s-saħħa tiegħu u ta’ ħaddieħor.

L-erba’ Diretturi jinsabu mixlijin ukoll talli naqsu li jiżguraw is-saħħa ta’ ħaddieror u l-miżurin essenzjali, li naqsu li jipprovdu superviżjoni u tagħlim meħtieġ biex iħarsu s-saħħa u li naqsu li jinfurmaw lill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ bl-impieg tax-xufier.

L-Avukati ta’ D’Amato huma Franco Debono u Amadeus Cachia filwaqt li Shazoo Ghaznavi u Alessia Zammit McKeon qed jidhru għall-erba’ Diretturi. Minbarra ż-żewġ turisti li nqatlu, sitt oħra kienu ndarbu b’mod kritiku, u 44 ġew ittrattati meta karozza tal-linja tat-turisti double-decker laqtet fergħat tas-siġar baxxi fi Triq il-Belt Valletta, Żurrieq.

Flotta ta’ 10 ambulanzi kienet intbagħtet fuq il-post. Madwar 50 persuna kienu ngħataw trattament mediku. 19 fiċ-ċentru tas-saħħa ta’ Raħal Ġdid u l-bqija fl-Isptar Mater Dei. Ħafna mill-ġrieħi li sofrew kienu fir-ras u fil-parti ta’ fuq tal-ġisem.