Sport Sport Ieħor

Anthony Borg jirbaħ l-ewwel kompetizzjoni tad-darts

Anthony Borg huwa r-rebbieħ tal-ewwel kompetizzjoni individwali li ġiet organizzata mill-Assoċjazzjoni Maltija tad-Darts meta l-Ġimgħa filgħaxija hu rebaħ lil John Agius f’finali verament missielta. 

Kienet logħba ta’ botta u risposta bejn iż-żewġ plejers li ma ċedewx pulzier sabiex assistejna għall-finali denja. Min-naħa tiegħu John Agius fetaħ vantaġġ ta’ żewġ punti fuq l-avversarju tiegħu, b’Anthony Borg li ma qatax qalbu tant li rnexxielu jġib l-iskor indaqs.

Hekk kif din il-finali kienet l-aqwa minn seba’ sets, John Agius reġa’ mar 3-2 minn fuq meta rebaħ il-ħames logħba. U hawn reġa’ daħal fix-xena Borg li kiseb id-dro sabiex sforza l-aħħar set deċiżiv. 

L-aħħar parti ta’ din il-finali kienet waħda eċitanti b’Agius u Borg jippruvaw jagħlqu l-logħba bil-punti li tant xtaqu. Fl-aħħar mill-aħħar kien Anthony Borg li ħareġ rebbieħ bl-aħħar dart preċiża li ġab li ddeterminat ir-riżultat finali. 

Aktar qabel intlagħbu l-kwarti tal-finali ta’ din il-kompetizzjoni b’Anthony Borg, Adrian Brydon, Albert Scerri u John Agius jirbħu b’mod konvinċenti lil George Mizzi, John Mallia, Charles Cauchi u Stefan Licari rispettivament. 

Fis-semifinali li wkoll kienu missielta, Anthony Borg għeleb lil Adrian Brydon 4-2 filwaqt li John Agius kien aħjar minn Albert Scerri hekk kif rebaħlu 4-1. 

Fl-aħħar ta’ din il-kompetizzjoni, il-president tal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Darts Roderick Zammit fil-preżenza tas-segretarju ġenerali Ray Gera ppreżenta t-tazza lil Anthony Borg.  Sadanittant tħabbar li t-tieni turnament individwali li jmiss se jintlagħab bejn it-3 u t-12 ta’ Marzu li ġej.