Lokali Qorti

Għawdxi li mar il-ħabs fuq traffikar ta’ kokaina f’Marsalforn irid jieħu l-kontroll ta’ ħajtu – Il-Qorti

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti kkonfermat sentenza ta’ 42 xahar ħabs fuq traffikar ta’ droga f’Marsalforn u fuq reati oħra li huwa kkommetta fil-passat fosthom fuq serq, li kiser diversi kundizzjonijiet u li sar reċidiv.

Il-Qorti qalet li meta jiskonta l-piena Jean Pierre Mamo ta’ 36 sena miż-Żebbuġ Għawdex irdi jiehu l-kontroll ta’ ħajtu . Il-Qorti tagħtu ċans u jidher li issa huwa bniedem riformat.

Għandu jhares ‘l quddiem għal dak kollu li hemm jistennieh wara li jiskonta l-piena. Jean Pierre Mamo b’kollox ġie kkundannat 42 xahar ħabs u mmultat €1,000 wara li kien instab ħati li f’Jannar 2018 u fix-xhur ta’ qabel, ittraffika l-kokaina.

Mill-provi irriżulta li l-Pulizija kellha informazzjoni li Mamo kien qed jittraffika d-droga minn appartament f’Marsalforn. Wara li l-Pulizija arrestat lil Mamo, għamlet tfittxija fl-appartament, u sabet aktar minn 42 gramma droga kannabis u aktar minn 10 grammi droga kokaina f’kamra li kienet imsakkra b’katnazz, u ċ-ċwievet tagħha kienu biss għand Mamo.

Minbarra d-droga, l-Pulizija kienu sabu wkoll oġġetti relatati mal-pussess u traffikar ta’ droga kif ukoll diversi messaġġi fuq il-mobile ta’ Mamo, li juru li kien jittraffika d-droga u li kien jixtri d-droga sabiex jittraffikha.

Ħareġ ukoll li Mamo baqa’ ma ndikax lill-Pulizija min kienet il-persuna li kien qiegħed ifornih id-droga biex hu jkun jista’ jbigħha. Għall-pussess u bejgħ ta’ sustanzi illeċiti l-Qorti kkundannat lil Mamo għal 24 xahar ħabs u €1,000 multa u għall-ksur ta’ kundizzjonijiet ġie ssentenzjat għal 18 -il xahar.

Il-Qorti kient ordnat ukoll lil Jean Pierre Mamo sabiex iħallas total ta’ €4,292.79 bħala spejjeż tal-Qorti apparti l-elf ewro multa. Il-Qorti kienet ordnat li jitħejja ‘social inquiry report’ u li minnu ħareġ li Mamo kellu trobbija diffiċli, bil-Qorti teżamina bir-reqqa dan ir-rapport.

Fih kien dokumentat illi mis-sena 2018 huwa għamel kuntatt mal-Caritas u attenda regolarment u kien ħalla 12-il sample ta’ urina li lkoll rriżultaw fin-negattiv għall-ezami ta’ sustanzi lleċiti.

Minn dan ir-rapport, mħejji minn Uffiċjal tal-Probation li kien ilu jsegwi lil Mamo għal tliet snin, huwa evidenti li kien saħansitra sab xogħol iżda minħabba ċ-ċirkostanzi li kien isib ruħu fihom ma kienx possibbli għalih li jżomm stabbilità fix-xogħol tiegħu;

Fl-appell Mamo għamel referenza għal-sentenzi tal-Qorti li kienu laqgħu t-talbiet għal tnaqqis fil-piena anke f’każ li l-ħati jkun reċediv. Il-Qorti qalet li l-Qrati jaqblu mal-aspett restorattiv tal-piena kif ukoll l-possibilità ta’ ċans ieħor fil-ħajja u dan kif rifless fid-diversi sentenzi tagħha fejn dan kien possibbli u meritevoli.

Fuq dan il-każ qalet il-Qorti tajjeb li qabel xejn ikun ċċarat illi l-piena ta’ 42 xahar priġunerija mposti mill-ewwel Qorti huma riżultat ta’ żewġ proċeduri.

L-aktar akkużi gravi huma tlieta. Dwar traffikar ta’ droga fl-ammonti ta’ 10.46 gramma kokaina u 42.34 gramma Kannabis u żerriegħa tal-kannabis.
Kienet l-istess Qorti kif preseduta li mponiet Ordni ta’ Probation wara li l-istess Mamo kien appella minn sentenza moghtija mill-Qorti tal-Maġistrati u ordnat bidla fil-piena li biha kienet qeghditu fuq Ordni ta’ Probation ghal-tliet snin.

Il-Qorti tal-Appell qalet lio Mamo kien preżenta lilu nniffsu bħala kandidat tajjeb sabiex il-Qorti eċċzzjonalment tibdel il-piena mogħtija mill-ewwel Qorti u dan wara li rat u ħadet in konsiderazzjoni rapport ta’ Ufficcjal tal-Probation.

Il-Qorti tal-Appell qalet ukoll li b’mod kostanti u dejjem hekk għamlet meta ordant temperament fil-piena minn dik karċerarja għal waħda alternattiva għal dik ta’ libertà, wissiet lill-ħati li b’hekk tkun qed tapplika ċertu gradwatorja fil-piena billi tagħti ċans, jekk hemm bżonn tagħti ċans ieħor b’żieda minn servizz komunitarju għall-wahda ta’ priġunerija sospiza.

Mamo, qal l-Imħallef Grixti issa wasal fi stat fejn eżawrixxa dawn il-possibilitajiet u l-uniku klemenza li jista’ jistenna f’każ ta’ traffikar ta’ droga huwa riduzzjoni fi żmien ta’ inkarċerazzjoni la darba din hija sanzjoni tassattiva.

“Tajjeb li jingħad ukoll illi jasal dak il-mument fil-ħajja mħarbta tal-bniedem illi jkun jeħtieġ li jieħu kont tas-sitwazzjoni ta’ ħajtu u mhux jibqa’ jġemma l-probations jew sentenzi sospiżi b’mod li jkun impossibbli li dawn jibqgħu jiġġeddu.

“L-imputat, llum ħati, għadda minn din il-gradwatorja u jidher issa illi huwa dispost li jifhem dak li qed jistennieh f’każ li joħroġ bħala persuna riformata. Madankollu, il-piena għal dawn id-delitti dejjem hija waħda karċerarja u f’dan il-każ tqis illi hija waħda proporzjonata,” qalet il-Qorti.

Kwantu għat-tieni parti tal-ammont tal-piena karċerarja mposta mill-ewwel Qorti, dik ta’ 18-il xahar, fejn kien ikkundannat għall-piena tad-delitti li dwarhom kien instab ħati qabel ma tqiegħed taħt ordni ta’ probation kienu ġusti,

Il-Qorti qalet illi wasal iż-żmien li Mamo jieħu kontroll ta’ ħajtu issa li eżawrixxa l-possibbilità ta’ riduzzjoni u klemenzi u jekk verament huwa bniedem riformat, allura għandu jikkoltiva dik ir-riforma akkwiżita u jħares ‘l quddiem għal dak kollu li hemm jistennieh wara li jiskonta l-piena.

Għaldaqstant il-Qorti tal-Appell qalet li ma tara ebda raġuni għaliex għandha tiddisturba d-diskrezzjoni eżerċitata mill-ewwel Qorti fl-għoti tal-piena u għalhekk ċaħdet l-Appell ta’ Mamo. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard C. Spiteri.