Futbol Sport

Gowls u spettaklu bejn Swieqi u San Gwann

Chris Cassar

SWIEQI U. ………………………. 3

SAN GWANN …………………… 3

Swieqi U: E. Gatt, I. Micallef, M. Attard, J. Micallef, J. Willy, A. Schembri Wismayer, M. Vella, C. Cutajar, E. Ayorinde, J. Azzopardi, M. Ivanovic.

San Gwann: C. Formosa, K. Bartolo, J. Bowman, Q. Adediran, L. Mallia, C. Gauci, B. Kuyper, O. Spiteri, C. Omoruanzoje, C. Gauci, U. Calistus.

Referee: Andrea Sciriha

Swieqi u San Gwann offrew spettaklu u qasmu sitt gowls bejniethom fi draw mill-isbaħ ta’ 3-3, draw li ma jbiddel xejn fil-klassifika bit-tim ta’ san Gwann jibqa’ fit-tielet post b’punt vantaġġ guq Swieqi.

Bidu ferm tajjeb minn naħa ta’ San Gwann li ddominaw l-ewwel nofs ta’ din it-taqsima fejn xeħtu lill-avversarji fuq id-difiża. Wara sitt minuti San Gwann resqu qrib b’xutt bomba ta’ Adediran jistampa mal-lasta.

Għaxar minuti wara San Gwann meritatament marru fil-vantġġ b’azzjoni ta’ Adediran li minn qagħda kważi mpossibbli spara fir-rokna ta’ fuq tax-xibka. Wara dan il-bidu qawwi minn naħa ta’ San Gwann it-tim ta’ Swieqi bdew jidħlu iktar fil-logħba anki jekk ma kienux perikolużi.

Iżda fit-32 minuta Swieqi kisbu draw b’azzjoni xi ftit fortunata meta wara rbeound fid-difiża l-ballun wasal għand Schembri Wismayer li dar mal-goalkeeper qabel poġġa’ fix-xibka. Żewġ minuti wara Swieqi fil-vantaġġ, fejn għal darb’oħra kien hemm laxkezza fid-difiża ta’ San Gwann u approfitta minn dan Joseph Willy li skorja b’xutt fil-baxx.  

Kif bdiet it-tieni taqsima San Gwann ħarġu fuq l-attakk u daqqa ta’ ras ta’ Adediran ħabtet ma’ sieq il-lasta. Minkejja l-insistenza tagħhom, San Gwann ma bdewx ikunu perikolużi iżda fit-73 minuta kien Andrea Zammit li spara l-ballun fis-saqaf tax-xibka.

Fis-87 minuta twaqqa’ Frank Temile fil-kaxxa u l-istess Temile skorja mill-11-il metru biex Swieqi reġgħu marra fil-vantaġġ u fit-92 minuta penalty favur San Gwann meta Bowman deher jaqa’ fil-kaxxa u mill-penalty kien Clifford Gauci li għamel l-iskor finali 3-3.

QORMI …………………… 0

ST.ANDREWS ………….. 3

Qormi: M. Falzon, O. Sidibe, M. Busuttil, A. Ayoub, L. Theuma, D. Camilleri, R. Caruana, I. Mizzi, N. Gauci, A. da Silva Oliveira, S. Seychell

St Andrews: D. Formosa, M. Muscat, I. Azzopardi, M. D’Alessandro, N. Bradshaw, M. Bartolo, K. Sano, A. Borg Olivier, G. Stefansson, L. A. Borg, K. D. Jackson

Referee: Daniel Casha

Qormi sofrew telfa oħra fl-istaġun pjuttost diżastruż tagħhom, meta ġew megħluba minn St Andrews bl-iskor komdu ta’ 3-0. Il-partita kienet waħda ddominata kompletament minn St. Andrews, li ddettaw ir-ritmu tal-partita mill-bidu sal-aħħar, u ftit taw ċans lill-avversarji li jkunu perikolużi. Dan ir-riżultat hu ferm importanti għal St. Andrews li jinsabu fi bżonn kbir ta’ punti fin-naħa t’isfel tal-klassifika.

 St. Andrews mill-ewwel kienu perikolużi u marru viċin li jiftħu l-iskor fir-raba’ minuta, meta xutt ta’ Matthew Bartolo ġie salvat tajjeb ħafna mill-gowlkiper ta’ Qormi. Huma rnexxielhom imorru fil-vantaġġ wara biss seba’ minuti logħob. Kien Kei Sano li għadda tajjeb minn bejn żewġ difensuri avversarji u qassam fin-nofs lejn Nicholas Bradshaw, li b’xutt mill-ewwel għeleb lil Falzon.

 Fis-37 minuta, Gunnar Stefansson irdoppja l-vantaġġ ta’ St Andrews b’xutt fil-baxx, wara li rċieva mingħand Borg Olivier, li kien niżżel l-ballun tajjeb b’sidru u għadda lejn in-nofs.

 Qormi ippruvaw jirreaġixxu u kellhom l-ewwel xutt lejn il-lasti żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, meta Ahmad Ayoub ra x-xutt tiegħu jgħaddi jħakkek mal-mimduda. Ir-risposta ta’ St. Andrews kienet waħda immedjata hekk kif skurjaw it-tielet gowl ftit sekondi qabel il-mistrieħ. Minn freekick ta’ Jackson minn tarf il-kaxxa, kien Nicholas Bradshaw għola tajjeb bir-ras biex għeleb lil Falzon għat-tieni darba.

 Fid-69 minuta, St. Andrews kellhom ċans tajjeb li jkabbru l-vantaġġ tagħhom permezz tas-sostitut Malcolm Vella, li għadda l-ballun minn fuq il-gowlkiper Falzon, iżda ra l-ballun tiegħu jħakkek mal-lasta qabel jispiċċa barra. L-aħħar azzjoni tal-partita ġiet f’saqajn is-sostitut Lucas Williams li ittanta xortih għal Qormi fis-87 minuta, iżda x-xutt tiegħu minn tarf il-kaxxa stampa mal-mimduda.