Lokali

“Il-bidliet żgħar mħabbra mill-Prim Ministru dwar il-kirjiet ta’ qabel l-1995 huma ftit ħafna u tard wisq” – PN

Il-bidliet żgħar imħabbra mill-Prim Ministru dwar il-kirjiet ta’ qabel l-1995 huma ftit ħafna u tard wisq biex iserrħu moħħ min jgħix fil-kera filwaqt li jiġu rispettati d-drittjiet tas-sidien.

Hekk sostna Ivan Bartolo, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli fejn saħaq li dawn il-bidliet mhuma xejn ħlief bżar fl-għajnejn ftit xhur qabel elezzjoni ġenerali u fl-aħjar sitwazzjoni se jkollhom l-effett li jipposponu l-problema għal min jiġi wara Robert Abela.

Il-Partit Nazzjonalista insista li b’dak li ħabbar dalgħodu l-Prim Ministru se jkun qed jibgħat eluf ta’ persuni quddiem il-Qrati ta’ pajjiżna u jżid it-tensjoni bejn min jgħix fil-kera u s-sidien tal-propjetajiet mikrija qabel is-sena 1995.

“Għalhekk huwa ċar li l-Gvern Laburista qed jagħżel li jibqa’ indifferenti
quddiem sitwazzjoni prekarja li jinsabu fiha eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin, partikolarmanet dawk anzjani, li qed jirriskjaw li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.”

Ivan Bartolo saħaq li l-Gvern Laburista qed ukoll ikompli jinjora l-karba ta’ eluf ta’ sidien li jixtiequ jgawdu l-proprjetà tagħhom kif għandhom dritt li jagħmlu.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern huwa obbligat li jipprovdi akkomodazzjoni alternattiva lil min ikun jeħtieġlu filwaqt li jiżgura li l-liġijiet ta’ pajjiżna joħolqu bilanċ ġust u dejjiemi bejn id-drittjiet tas-sidien u d-dritt ta’ kull persuna li jkollha saqaf fuq rasha.

“Dan l-għan ma jistax jintlaħaq jekk il-Gvern jibqa’ ma jindirizzax b’mod deċiżiv u konsistenti n-nuqqas ta’ proprjetajiet intiżi bħala akkomodazzjoni soċjali f’pajjiżna.”

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li sal-lum, wara tmien snin fil-Gvern, il-Partit Laburista għadu ma pprovda lanqas appartament wieħed ġdid għal skopijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali. Din l-inkompetenza tal-Gvern Laburista wasslet biex l-Awtorità tad-Djar għandha quddiemha lista ta’ stennija li bil-pass li miexi bih il-Gvern mhi
ser tiġi indirizzata qatt.

“Bil-bidliet żgħar li ħabbar il-Prim Ministru, l-problema tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 se tibqa’ teżisti u tikber fis-snin li ġejjin”.