Futbol Sport

Man City jiftħu vantaġġ ta’ 13-il punt f’ras il-klassifika

(Ritratt: EPA)

Manchester City komplew bil-mixja trijonfali lejn ir-rebħ tal-kampjonat meta – grazzi għal rebħa 2-1 fuq West Ham United – huma estendew is-sensiela ta’ rebħiet konsekuttivi għal 20 logħba biex fetħu vantaġġ ta’ 13-il punt fuq it-tieni tim (Manchester United) fil-klassifika tal-Premier League.
Il-logħba mal-Hammers fl-Etihad Stadium kienet missielta ferm u kellu jkun id-difensur ta’ City, John STONES, li ddeċieda riżultat lejn l-aħħar ħinijiet meta konkluda fuq l-assist ta’ Riyad Mahrez. Aktar qabel, id-difensur ċentrali l-ieħor. Ruben DIAS (30) kien ta vantaġġ mistħoqq lil City, b’Michail ANTONIO jikseb id-dro momentarju ftit minuti qabel il-mistrieħ.
Fit-tieni taqsima, il-manager ta’ City, Pep Guardiola, daħħal lil Phil Foden u Gabriel Jesus għal bidla li tat il-frott, bis-Citizens iżidu fil-logħob sakemm wasal il-gowl deċiżiv ta’ Stones li ħalla lill-Hammers mingħajr risposta.
Is-sensiela ta’ logħob mingħajr telfa għal Man City issa żdiedet għal 27 u meta huma jistgħu iwaqqfu rekord ġdid ( ta’ logħob konsekuttiv mingħajr telfa) jekk jirnexxilhom jiksbu mqar dro ma’ Wolves fil-konfront tal-kampjonat li jmiss, li jintlagħab nhar it-Tlieta.

West Bromwich Albion għelbu lil Brighton and Hove Albion, 1-0, biex żammew ħajjin it-tamiet li jsalvaw posthom fl-ogħla diviżjoni – madankolli kien biss ‘b’miraklu’ li s-Seagulls harġu b’idejhom vojta mill-konfront meta kellhom ‘gowl’ imħassar u anki tilfu żewġ penalties tul id-90 minuta.
Il-freekick ta’ Lewis Dunk għal Brighton fl-ewwel taqsima wassal għall-‘gowl’ li kien imħassar u konvalidat fi spazju ta’ minuti – u sakemm reġa’ tħassar b’mod definittiv wara li r-referi, Lee Mason, analizza l-azzjoni fuq il-pitchside monitor wara intervent mill-VAR. Intant, Kyle BARTLEY (11) kien poġġa lill-Baggies fil-vantaġġ u minn dak il-ħin ‘il hinn, Brighton spiċċaw frustrati diversi drabi, b’Pascal Gross jolqot il-mimduda mill-ewwel penalty u b’Danny Welbeck (fit-tieni taqsima) jara x-xutt mill-ħdax il-metru jistampa mal-lasta. West Brom, intant, temmew il-konfront fuq id-difiża u bi tliet punti kruċjali li ma tantx kien jimmeritahom fuq il-bilanċ tal-logħob.

Aston Villa telgħu fit-tmien post tal-Premier Ingliż b’rebħa impressjonanti kontra Leeds United barra minn darhom. Il-gowl uniku tal-logħba wasal wara biss ħames minuti meta Anwar EL GHAZI ikkontrolla l-cross ta’ Ollie Watkins u ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Islan Meslier, b’xutt imprendibbli għar-rokna. Il-Villains kienu l-aħjar tim tul il-logħba minkejja n-nuqqas tal-captain, Jack Grealish, b’Leeds – li kienu ġejjin minn żewġ rebħiet ‘home’ fuq Crystal Palace u Southampton — ftit li xejn iħabbtu lidd-difiża avversarja. Iżda minkejja t-telfa, Leeds għadhom komdi fl-għaxar post tal-Premier League u fejn jinsabu erba’ punti taħt Aston Villa li qed jissieltu biex jikkwalifikaw għall-Europa League, fl-istaġun li ġej.

Fl-aħħar partita li kellna llejla, Newcastle u Wolves temmew fi draw ta’ 1-1. Jamaal LASCELLES fetaħ l-iskor għal Newcastle fit-52 minuta filwaqt li Ruben NEVES ġab l-iskor indaqs fit-73 minuta.

PREMIER LEAGUE
Illum: Man City v West Ham 2-1, WBA v Brighton 1-0, Leeds v Aston Villa 0-1, Newcastle v Wolves 1-1 Għada: Crystal Palace v Fulham 1.00pm, Leicester v Arsenal 1.00pm, Tottenham v Burnley 3.00pm, Chelsea v Man Utd 5.30pm, Sheff. Utd v Liverpool 8.15pm It-Tnejn: Everton v Southamtpon 9.00pm